Left arrow Mur Lura

GĦALL-EWWEL DARBA GĦAWDEX SE JKOLLU PJAN TA’ POLITIKA SEPARAT FIL-QASAM TAT-TURIŻMU

pr140313
Date Icon 21/02/2014

Il-gżira Għawdxija għandha l-potenzjal biex tkun reklamata anka b’mod separat minn Malta fejn tista’ tkun żviluppata f’destinazzjoni turistika s-sena kollha

Għall-ewwel darba Għawdex mistenni jkollu pjan ta’ politika separat dwar il-qasam tat-turiżmu. Dan il-pjan li se jitnieda fil-ġranet li ġejjin mistenni jindirizza diversi oqsma fosthom il-kwistjoni tal-aċċessibilità bejn Malta u Għawdex, il-kwalità tal-prodott li tista’ toffri l-gżira Għawdxija, il-kwistjoni tal-istaġjonalità u r-reklamar t’Għawdex.

Ħabbru dan il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo meta ndirizzaw il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu l-GTA.

Il-Ministru Karmenu Vella semma’ kif l-iskop wara dan il-policy document hu li jkollna turiżmu aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli f’Għawdex. Fl-istess ħin dan id-dokument se jkun jindirizza fatturi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u finanzjarji. Il-pjan jimmira wkoll biex Għawdex ikun jista’ joffri taħlita ta’ turiżmu billi jħares lejn setturi li jistgħu jikkumplimentaw il-qasam turistiku fosthom il-yachting u dak tal-cruises.

Dwar l-istaġjonalità, Karmenu Vella saħaq kif bl-iżvilupp ta’ numri ta’ attivitajiet spissi li jkunu mdaqqsin għall-proporzjoni tal-gżira, Għawdex kapaċi jiġi żviluppat f’destinazzjoni s-sena kollha li minnha nnifisha tfisser aktar dħul u impjiegi aktar fit-tul. Fi kliem il-Ministru għat-Turiżmu, Għawdex għandu l-ingredjenti kollha biex mhux biss ikun reklamat ma’ Malta iżda wkoll jista’ jiġi reklamat għalih fejn jimmira għal profil ta’ turist ogħla.

Dwar l-isfida tal-aċċessibilità, il-Ministru Karmenu Vella saħaq li wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni u fisser kif preżentament, il-Gvern qed jistudja kemm konnettività permanenti bi pjani fit-tul kif ukoll dawk short term fosthom servizz ta’ fast ferry u anke possibilità ta’ air strip li tkun ambjentalment tajba.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo fisser kif is-suq turistiku Għawdxi huwa ferm differenti minn dak Malti. Filwaqt li f’Malta t-turiżmu jikkonsisti prinċipalment f’turisti barranin, b’9 turisti barranin għal kull turist Malti, f’Għawdex  kull sena jaslu madwar 37,000 turist barrani u l-istess numru ta’ turisti Maltin. 

Spjega kif biex ikun hemm titjib fis-servizz turistiku, irid isir sforz mill-istakeholders kollha involuti u saħansitra anke l-Gvern u l-Oppożizzjoni jinħtieġ li jkomplu jiġbdu ħabel wieħed.

Il-Ministru Refalo fisser kif Għawdex ghandu bżonn t’inizjattivi u policies li ma jkunux kopja ta’ dak li jgħodd għal Malta imma li jiffukaw fuq l-elementi uniċi tal-gżira.  Saħaq fuq l-importanza li l-operaturi fil-qasam turistiku jaħdmu bi professjonalità mill-aqwa f’settur fejn hemm kompetizzjoni qawwija. It-timbru tat-turiżmu Għawdxi għandu jkun il-kunċett ta’ turiżmu responsabbli, li jirrispetta l-aspetti ambjentali, ekonomiċi u kulturali b’rispett sħiħ  lejn ir-riżorsi u t-tradizzjonijiet lokali.

Meta tkellem dwar inizjattivi li qed jieħu l-Ministeru għal Għawdex, Anton Refalo semma’ kif qiegħed isir sforz kbir biex jiġu mantnuti tajjeb it-toroq kollha f’Għawdex. Fost l-oħrajn semma’ każ tat-Triq ta’ San Lawrenz li suppost tlestiet minn fondi Ewropej taħt l-amministrazzjoni preċedenti u li iżda minħabba infieq żejjed ser ikollha titkompla minn fondi nazzjonali, liema spiża se tlaħħaq madwar €3 miljun. Ħabbar ukoll kif din is-sena se tiġi mnedija kampanja biex jitnaddaf Għawdex kollu, b’enfasi wkoll għal aktar indafa fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu Joe Muscat semma’ kif kontra kull perċezzjoni li Għawdex hija destinazzjoni għalja, Għawdex hija destinazzjoni ta’ valur. Saħaq fuq il-bżonn li l-prodott turistiku Għawdxi jkun ikkultivat fost l-oħrajn billi jkunu sfruttati aktar niċeċ turistiċi inkluz dik tal-opra u l-karnival Għawdxi. Tkellem ukoll fuq l-irwol importanti li għandu kampus tal-ITS fil-Qala fit-taħriġ tal-istudenti fl-industrija turistika.

Preżenti għal laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow