GĦADA JIBDEW IL-LAQGĦAT TA’ KONSULTAZZJONI MAL-PUBBLIKU
“Minn 8 miljun ewro f’ċitazzjonijiet fir-Reġjun Taċ-Ċentru, il-Kunsilli Lokali kważi ma ħadu xejn” – Jose’ Herrera
Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari Jose Herrera żar lill-komunità kummerċjali ta’ Tas-Sliema li tifforma parti mir-reġjun taċ-Ċentru. Is-Segretarju Parlamentari qal li fl-aħħar sentejn u nofs, f’dan ir-reġjun, inħarġu b’kemm jiswew tmien miljun ewro ċitazzjonijiet li minnhom inġabbru sitt miljun ewro. Madanakollu huwa qal li minn dawn is-sitt miljun ewro li inġabru f’ċitazzjonijiet l-kunsilli lokali ftit li xejn ibbenfikaw għall-kuntrarju tal-kumpaniji li marru tajjeb ħafna. Dan kien ikkonfermat mis-sindki u kunsilliera preżenti li qalu d-dħul tagħhom mis-sistema huwa negliġibli.
“Dan kollu juri kemm is-sistema ġdida trid tiġi rriformata biex anke l-kunsilli lokali jibdew jibenefikaw”, qal Herrera. Iċ-ċifra ta’ tmien miljun ewro li ngħataw f’ċitazzjonijiet f’temp ta’ sentejn u nofs turi kemm għar-Reġjun Ċentru s-sistema tal-gwardjani lokali hija importanti.
Herrera, li għal din il-laqgħa f’Tas Sliema kien akkumpanjat minn uffiċjal tas-Sliema Business Committee, qassam materjal ta’ informazzjoni li bħalissa qed jirċievu n-nies fid-djar tagħhom sabiex huma wkoll jkunu infurmati dwar ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern. Marcus Lauri, f’isem is-Sliema Business Committee, faħħar ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern u appella lil kulħadd biex jipparteċipa f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. Fil-fatt għada fil-Lukanda Dolmen, residenti, kunsilliera, sindki u nies oħra qed ikunu mistiedna biex jipparteċipaw f’laqgħa ta’ konsultazzjoni. Il-laqgħa li għaliha huma mistiedna dawk li jgħixu fir-Reġjun Ċentru u r-Reġjun Tramuntana tibda fl-10.30 am.
Sidien ta’ ħwienet u nies oħrajn li dak il-ħin inzertaw f’Bisazza Street tas-Sliema ilmentaw mis-servizz li qed jingħata u qalu li xi kultant qed ikunu ppenalizati ta’ xejn. Is-Segretarju Parlamentari fakkar li l-pern prinċipali ta’ din is-sistema huwa li s-sistema trid tkun għaċ-ċittadin u mhux bil-maqlub.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm il-Presidenti tar-Reġjun Ċentru u Tramuntana flimkien mas-Sindku ta’ Sliema Anthony Chircop u kunsilliera mill-kunsill lokali ta’ Tas-Sliema.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en