TNEDIJA TAR-RAPPORT “THE NATIONAL HEALTH SYSTEMS STRATEGY”
Waqt seminar li sar apposta dalgħodu, il-Ministru għas-Saħħa Dr. Godfrey Farrugia nieda r-rapport “The National Health Systems Strategy” – NHSS.
Dan ir-rapport tnieda jumejn wara li ġie varat il-Health in Transition Systems Report li jagħti ritratt tas-sitwazzjoni tal-qasam tas-saħħa fil-gżejjer Maltin. Dan ir-rapport/analiżi wera dak li nkiseb, żvela fejn fallejna, imma fuq kollox tefa’ d-dawl fejn irridu nwittu triqitna.
Ir-rapport konsultattiv, The National Health Systems Strategy (NHSS), b’mod integrat se jindirizza l-oqsma kollha tas-saħħa u l-ħtiġijiet vera ta’ pajjiżna. Il-Ministru Farrugia dalgħodu qal, “biex dan iseħħ, irridu naħdmu flimkien, għax jien nixtieq li nagħtu dan ir-rapport a public ownership”.
Huwa qal li rridu naħdmu flimkien mal-familji, il-ħaddiema tas-settur kollu, mal-istakeholders kollha li jinkludu l-NGOs u t-tmexxija, jiġifieri l-management, u l-unions, biex b’mod kollettiv naslu ħalli: b’responsabbiltà nirrispondu għall-ħtiġijiiet demografiċi ta’ pajjiżna, il-prevalenza tal-mard u r-riskji li joħorġu mill-istil tal-ħajja li ngħixu; b’responsabbiltà nassiguraw li l-aċċess għas-servizz ikun wieħed ġust; b’responsabbiltà jkollna kura li hija ta’ kwalità u fuq kollox b’responsabbiltà jkollna dawk il-policies u governanza siewja li jiggarantixxu s-sostenibbiltà fir-riżors uman, dak teknoloġiku u dak finanzjarju.
Il-Ministru Farrugia qal li dawn huma l-erba’ oġġettivi li jekk insaħħuhom, isaħħu saħħitna. Huwa kompla jaċċenna li s-sostennibilità finanzjarja trid tiġi indirizzata bi framework ta’ baġits li jħarsu lejn forecasts u li huma minċuttjati skont l-istrateġija elenkata u mifthema, baġits li jaraw kif se jużaw il-fondi Nazzjonali u l-fondi Ewropej b’mod għaqli.
F’dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar ir-rapport, irridu nħarsu bir-reqqa u naraw kif se nindirizzaw il-Country Specific recommendation li ġie imponut fuqna mill-Unjoni Ewropea dwar il-qasam tas-saħħa, jiġifieri l-mod kif se nsaħħu l-kura primarja li tinkorpora wkoll dik preventiva; ntejbu l-cost effectiveness u għalhekk nagħmlu cost savings u nżommu monitoraġġ utli tal-health outcomes tagħna.
Dr. Farrugia kompla jgħid li f’dan ix-xenarju ta’ sistema ta’ saħħa ħolistika, rridu naċċertaw li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu l-għażla naturali li jagħżel kura fejn jixtieq f’ambitu ta’ Private Public Mix. “Dan kollu għandu għan wieħed”, kompla jgħid il-Ministru għas-Saħħa, “Dak li s-sistema tas-saħħa tkun patient centric, li toffri a patient centric experience”.
Fuq kollox irridu nrawwmu aktar l-attitudni li kull wieħed u waħda minna nħarsu l-wellbeing tagħna fl-istadji kollha tal-ħajja. Il-policies joħolqu awareness, imma rridu mmorru altru minn hekk. Irridu nkunu aktar proattivi, rridu nimmotivaw aktar in-nies ta’ kull eta’, biex iħarsu saħħtihom kontra t-tipjip, ikel żejjed jew dieta mhux bilanċjata, nuqqas ta’ eżercizzju, tniġġis ta’ ambjent u stili ta’ ħajja li jistgħu jżidu r-riskju ta’ inċidenti jew mard infettiv.
Irridu nirrikonoxxu li jekk ma nbiddlux l-użanzi u l-prattiċi tagħna biex nindirizzaw dawn l-isfidi, jkollna naffaċċjaw ġejjieni aktar inċert, ġejjieni mhux b’saħħtu, li jeħtieġ spejjeż dejjem akbar u għalhekk jista’ jpoġġi s-sistemi tas-saħħa tagħna anki f’periklu li ma tkunx sostenibbli.
Il-Ministru Farrugia rringrazzja s-sehem kbir tal-għaqdiet volontarji, imma fuq kollox is-sehem tal-ħaddiema kollha, l-health care professional givers kollha li jaħdmu qatiegħ biex ħidmiethom ikollha l-wiċċ uman tal-pazjent.
Huwa temm jgħid li dan huwa gvern li bi prijorità huwa determinat li jpoġġi din l-istrategija bħala l-vetrina tal-vizzjoni tas-saħħa għas-snin 2015-2020, viżjoni li ġġiegħlna naħdmu aktar flimkien biex ikollna kommunitajiet aktar b’saħħithom u għalhekk prosperità akbar f’pajjiżna.
Qal li saħħitna hija l-akbar investiment; saħħitna hija kollox, jekk is-saħħa tfalli, jfalli kollox.
Huwa tenna li dan id-dokument se jitqiegħed fuq il-mejda tal-kamra u se jiddiskutieh fl-ewwel laqgħa tal-kumitat tal-kamra dwar is-saħħa.
Irringrazzja lit-tim kollu fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, li b’dedikazzjoni kbira bena din l-istrateġija, u lil dawk il-persuni, l-unions, l-organizzazzjonijiet u dipartimenti tal-gvern li taw jew se jagħtu l-kontribut tagħhom u li se jaqsmu l-esperjenzi tagħhom illum jew matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni li beda b’dan is-seminar u li se jkompli sal-aħħar ta’ Marzu.
Wera wkoll l-apprezzament kbir tiegħu lid-Diviżjoni għas-Sistemi tas-Saħħa u s-Saħħa Pubblika tal-Uffiċju Reġjonali għall-Ewropa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, u partikolarment lill-Programme Manager għall-governanza fis-saħħa, Dr Juan Tello, li kien ta’ sostenn ewlieni għat-tim kollu.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en