PROĠETT IRĊEVEW GĦAJNUNA FINANZJARJA PERMEZZ TAL-MALTA ARTS FUND FIS-SENA LI GĦADDIET
“Hemm bżonn li nagħtu l-opportunitajiet lill-artisti sabiex jaħsbu aktar fuq linji ta’ ekonomija kreattiva.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, José Herrera, waqt konferenza stampa rigward il-Malta Arts Fund.
“Jeżistu numru ta’ fondi sabiex ngħinu lill-artisti tagħna u qed jinħolqu oħrajn ġodda. Wasal iż-żmien li dawn il-fondi jibdew jikkumplimentaw lil xulxin u nimxu fuq strateġija komuni ħalli inkunu ċerti li l-investiment li qed nagħmlu f’dan ir-rigward ikun qed irendi aktar. Il-Malta Arts Fund qiegħda hemm sabiex tiżgura li proġetti artistiċi jibqgħu jkunu ta’ livell għoli. Kuntent bix-xogħol li qiegħed isir, u nemmen li għandna lok fejn nibqgħu nibnu fuq it-tajjeb li sar.”
Total ta’ 95 proġett irċevew l-għajnuna finanzjarja permezz tal-Malta Arts Fund fis-sena li għaddiet, b’investiment totali ta’ aktar minn €410,000. B’fierxa wiesgħa li tkopri minn mużika u żfin sa letteratura, teatru u l-arti viżwali, il-fond ifittex li jissapportja l-kwalità u l-eċċellenza fl-arti.
Il-maġġoranza tal-fondi ġew allokati lill-arti performattiva b’38 proġett filwaqt li fl-arti viżwali, kien hemm 23 proġett li ħadu l-fondi. Fis-settur multidixxiplinari, 27 proġett irċevew l-għajnuna filwaqt li fil-letteratura, kien hemm seba’ proġetti.
Bħala l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti (KMKA), il-Malta Arts Fund (MAF) għandha l-għan li tgħin lill-artisti u organizzazzjonijiet tal-arti u l-kultura jwettqu l-potenzjal tagħhom u jtejbu ħiliethom u l-livell ta’ professjonalità.
Il-Malta Arts Fund hija magħmula minn erba’ fergħat prinċipali: il-Project Support Grant, l-Organisation Support Grant, il-Mobility Support Grant u Spreading Words, il-fergħa tat-traduzzjoni litterarja. Il-Project Support Grant huwa maqsum f’żewġ fergħat: proġetti kbar u żgħar. Proġetti li jitolbu sa €5,000 jikkwalifikaw bħala proġetti żgħar; l-applikazzjonijiet għal din il-fergħa jiftħu kull tliet xhur. Proposti li jirrikjedu sa €20,000 jikkwalifikaw għall-fergħa tal-Large Project Support Grant; is-sejħiet għal din il-fergħa jiftħu kull sitt xhur.
Il-fergħa Organisation Support Grant taħseb għall-organizzazzjonijiet li qed ifittxu fondi sabiex jissapportjaw l-operat tagħhom fis-settur ta’ l-arti f’Malta u/jew biex joperaw programm artistiku. Din tipprovdi fondi lill-organizzazzjonijiet li l-għanjiet tagħhom huma konformi mal-għanjiet u l-prijoritajiet tal-Politika Kulturali Nazzjonali, għal spejjeż ta’ programmar u organizzazzjoni. Il-Mobility Grant taħseb għall-mobbiltà artistika/kulturali ’l hinn minn xtutna.
“Spreading Words” hija l-fergħa l-aktar riċenti li ġiet miżjuda mal-programm tal-MAF, li b’hekk ġiet b’erba’ fergħat. B’allokazzjoni annwali ta’ €20,000, Spreading Words tfasslet bħala għajnuna lill-awturi, tradutturi u pubblikaturi għat-traduzzjoni ta’ kitbiet bil-Malti għal lingwi oħrajn. L-għan huwa li l-letteratura Maltija tkun aktar aċċessibbli għall-komunitajiet ġodda ta’ qarrejja, li jwassal għall-ftuħ u t-tisħiħ tax-xena letterarja Maltija.
Is-sottomissjonijiet għal dan il-Fond huma kompetittivi u għalhekk mhux l-applikazzjonijiet kollha jistgħu jingħataw l-għajnuna mitluba. Il-proġetti u l-proposti huma evalwati b’mod trasparenti minn bord estern ta’ professjonisti fl-oqsma tal-arti u l-kultura. Il-proposti huma selezzjonati skont it-termini ta’ kriterji stabbiliti ta’ valutazzjoni biex b’hekk jiġi żgurat l-akbar valur għall-investiment pubbliku. Il-fondi jingħataw b’konformità mal-għanijiet tal-Malta Arts Fund u mal-prijoritajiet tal-Politika Kulturali Nazzjonali 2011.
Is-somma li tingħata lill-artisti hija meħuda mill-varji line votes disponibbli. Il-baġit totali allokat għall-Malta Arts Fund huwa ta’ €330,000 u dan qatt ma nbidel mindu nbeda dan il-fond. Dan huwa magħmul minn €230,000 li ġejjin direttament mil-line vote tal-Malta Arts Fund (vot 5527) filwaqt li €100,000 oħra ġejjin mil-line vote 6032 tal-KMKA. Minn dawn, €20,000 huma allokati għall-fergħa ta’ Spreading Words. €100,000 oħra imorru lejn il-Culture Organisations Support Grant permezz ta’ line vote separat minn dak tal-Malta Arts Fund.
Kull min hu interessat fil-Malta Arts Fund jista’ jagħmel laqgħa fuq bażi individwali mal-Arts Executives. Applikanti prospettivi jistgħu jċemplu l-uffiċċju tal-KMKA jew jikkuntattjawna fuq funding.mcca@maltaculture.com. Il-KMKA jorganizza wkoll ArtsTalk, sensiela ta’ diskussjonijiet pubbliċi relatati mal-kultura u l-arti.
Il-lista tal-proġetti li ngħataw s’issa kif ukoll il-formoli ta’ l-applikazzjoni u l-linji gwida u r-regolamenti jinsabu fuq is-sit www.maltaculture.com jew jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju tal-KMKA fi 230, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq 2124 5168.
Ritratti – Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, José Herrera, flimkien mal-artisti waqt il-konferenza stampa rigward il-Malta Arts Fund.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en