IL-MANIFATTURA HIJA MUTUR GĦAL ĦOLQIEN TAX-XOGĦOL
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona ħa sehem f’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-kompettitività.
Il-Ministru Cardona qal li Malta temmen li l-kompetittività tal-industrija Ewropea teħtieġ titqiegħed fil-qalba ta’ kif jitieħdu d-deċiżjonijiet. Dan għaliex is-settur tal-manifattura huwa wieħed mill-muturi primarji li se jikkontribwixxu lejn il-ġenerazzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u xogħol fl-Ewropa.
Dr. Chris Cardona qal li l-azzjonijiet u l-interventi għandhom jiffokaw fuq it-tnawwir tal-kompetittività globali tal-Unjoni Ewropea billi ssir analiżi sistematika tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-industrija Ewropea imqabbla ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra ewlenien sabiex isir magħruf liema oqsma jistgħu jiġu indirizzati fuq livell istituzzjonali. Dan bil-għan li jkun żgurat li l-industrija Ewropea topera f'kundizzjonijiet ugwali mal-kompetituri globali tagħha.
Il-Ministru Cardona tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li jkun hemm tisħiħ f’dawk l-oqsma industrijali speċjalizzati ħalli jinżamm ammont ogħla ta’ valur miżjud fl-UE. Saħaq ukoll fuq it-tisħiħ tar-rwol tal-Kunsill għall-Kompetittività biex jevalwa l-effett li ċertu deċizjonijiet possibilment jistgħu jħallu fuq il-kompettitivita’ Ewropea.
Il-Kunsill tal-Ministri tal-Kompettitivita’ ittratta wkoll il-bilanċ bejn il-kompetittività, l-enerġija u l-objettivi tal-politika dwar il-klima fil-qafas ġdid dwar l-enerġija u l-klima li jkopri sal-2030.
Dwar dan is-suġġett il-Ministru Cardona saħaq fuq il-ħtieġa li jinstab l-aqwa bilanċ bejn viżjoni għal terminu qasir, medju u dak fit-tul minħabba li l-ispejjeż relatati mal-politika dwar il-klima u l-enerġija jistgħu joħolqu tħassib għall-industrija Ewropea. Dan għaliex kull ċaqliqa fl-ispejjeż assoċjati mal-politika dwar l-enerġija u l-klima tista’ tnaqqas il-kompetittività għall-industrija Ewropea kollha kemm hi.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Industrija u Intrapriżi Żgħar finalment tenna d-dikjarazzjoni li saret fit-Tieni Konferenza Ministerjali tal-Ħbieb tal-Industrija li saret fl-aħħar ta’ Jannar f'Ruma, li bl-aktar mod ċar tenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi akbar fuq il-komponent industrijali tal-Kunsill tal-Kompetittività billi tiffoka fuq ir-rwol tal-Grupp ta' Livell Għoli fuq il-Kompetittività u t-Tkabbir sabiex jagħtu sostenn lill-irkupru u t-tkabbir sostenibbli tal-industrija.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en