JITNIEDA PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA GĦALL-ISTRATEĠIJA NAZZJONALI TAD-DIMENSJA F’MALTA 2015 – 2023
Illum tnieda l-ewwel proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja 2015–2013. Din l-istrateġija se tiffoka fuq pjan ta’ xogħol favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-individwi li jbatu mid-dimensja, dawk li jieħdu ħsiebhom, kif ukoll qrabathom għal matul id-disa’ snin li ġejjin.
Din it-tnedija saret waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Franco Mercieca, flimkien mal-Focal Point għad-Dimensja f’Malta Dr. Charles Scerri.
Is-Segretarju Parlamentari Mercieca qal li llum hawn madwar 5,200 persuna jbatu mid-dimensja u li dan l-għadd ta’ persuni mistenni jiżdied għal madwar 14,000 fil-25 sena li jmiss.
Dr. Mercieca fakkar kif l-ewwel verżjoni ta’ din l-istrateġija tfasslet lill-amministrazzjoni preċedenti f’Jannar tal-2010 iżda baqgħet fuq l-ixkaffa bil-konsegwenza li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li saru baqgħu qatt ma ġew implimentati. Dr. Mercieca rrimarka kif din hija t-tieni strateġija nazzjonali li tirrigwardja lil anzjani f’pajjiżna li qed titfassal minn dan il-gvern wara li f’Novembru li għadda tnediet il-Politika Nazzjonali Strateġika għal Anzjanità Attiva.
Dr. Mercieca sostna li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jikkonferma l-ħidma konkreta ta’ dan il-Gvern biex titwettaq wegħda oħra fil-Programm Elettorali li bih kien elett dan il-Gvern fejn kien sostnut li l-ġlieda kontra d-dimensja se tkun waħda mill-prijoritajiet ta’ Gvern ġdid.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-Gvern jinsab determinat li jiġġieled din il-kundizzjoni li mhux biss qed tisraq mijiet ta’ ħajjiet f’pajjiżna, iżda qed tpoġġi piż kbir fuq il-qraba tagħhom. Waqt li semma kif din il-kundizzjoni qed taqsam ħafna qlub ta’ qraba ta’ dawn il-pazjenti, tenna l-impenn tal-Gvern li jisma’ u jaġixxi fuq is-suġġerimenti li se jkun qed jagħmel il-pubbliku matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni.
Fid-diskors tiegħu, Dr. Charles Scerri qal li l-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimensja għandha l-għan li timplimenta numru ta’ miżuri f’diversi oqsma ta’ mmaniġjar u kura tad-dimensja, għan li tagħti kwalità tal-ħajja aħjar lill-individwi li jbatu bid-dimensja, lil min jieħu ħsiebhom u lil qrabathom. Xi wħud mill-għanijiet speċifiċi jinkludu: żieda ta’ kuxjenza pubblika u tagħrif dwar id-dimensja, zieda fil-ħin għal intrventi, kif ukoll żvilupp u taħriġ fil-ħidma sabiex tkun żgurata kwalità tajba fil-kura permezz ta’ taħriġ għall-ħaddiema li jaħdmu b’kuntatt dirett mal-individwi li jbatu bid-dimensja.
Dr. Scerri żied li b’riżultat ta’ din l-istrateġija, Malta se jkollha pożizzjoni aħjar biex ittejjeb l-immaniġjar u l-kura tad-dimensja, tiżgura aproċċ etiku għall-immaniġjar u l-kura tad-dimensja, kif ukoll tibda riċerka fuq ix-xejriet ta’ prevelanza u mmaniġjar tal-kura tad-dimensja f’Malta.
Dr.Scerri spjega kif l-istrateġija tinkludi mhux biss investiment uman u finanzjarju imma anke pjanar u xogħol ma’ entitajiet differenti tal-gvern, ħaddiema tas-saħħa u tal-kura soċjali, individwi bid-dimensja, il-familji tagħhom u dawk li jagħtuhom kura bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja minn dawk affetwati mid-dimensja f’Malta. Dr. Scerri semma wkoll kif Malta hija s-sittax-il pajjiż madwar id-dinja li qed taddotta strateġija tad-dimensja.
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva qiegħed jistieden lill-pubbliku u lil organizzazzjonijiet interessati biex jieħdu sehem f’din il-konsultazzjoni billi jagħtu s-suġġerimenti tagħhom fuq din l-istrateġija. Dawn is-suġġerimenti jistgħu jintbagħtu lil Dr. Franco Merċieċa, Palazzo Ferreria, Triq ir-Repubblika, Valletta, fuq www.activeageing.gov.mt jew permezz tal-email uffiċjali dementia.mfss@gov.mt
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en