GĦALL-EWWEL DARBA FL-ISTORJA TAL-KARNIVAL: PARATA FIL-KAPITALI GĦAWDXIJA
Satira politika, kostumi minn Notting Hill u spettaklu fir-Rabat
“Il-Kreattivita’ u l-bżulija huma s-sisien wara l-inizjattivi ġodda kollha li qiegħed jagħmel il-Ministeru għal Għawdex biex tkompli tiġi ġġenerata l-ekonomija f’Għawdex, anke fiż-żmien tax-xitwa”. Sostna dan il-Ministru Anton Refalo waqt li ħabbar l-inizzjattiva li jmiss fil-programm ta’ attivitajiet fil-Gżira Għawdxija – il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2014.
Il-Ministru sostna kif il-viżjoni għall-Karnival ta’ Għawdex kienet li filwaqt li jkompli jissaħħaħ il-karnival spontanju li hu assimmilat maż-żgħażagħ, jiġu offruti sensiela ta’ attivitajiet li huma mmirati għall-familja kollha. Huwa żvela kif din is-sena, wara xhur sħaħ ta’ ħidma se jkun qiegħed jingħata nifs ġdid li ilu għal tant snin mistenni lill-Karnival tar-Rabat. Wara għexieren ta’ snin, se jkun qiegħed jittella’ sett ta’ Maskaruni ta’ satira politika akkumpanjati minn sett ta’ kostumi Ingliżi minn Notting Hill.
“Bil-fatti ridna nsaħħu l-viżjoni tagħna li naraw aktar tfal attivi fil-Karnival. B’hekk din is-sena rduppjajna l-għajnuna finanzjarja fl-iskejjel biex ninkoraġixxu aktar tfal jipparteċipaw fil-Karnival. Dan wassal biex total ta’ sebgħa skejjel Għawdxin ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom,” saħaq il-Ministru.
Anton Refalo ħabbar kif is-Sibt 1 ta’ Marzu filgħaxija, qabel il-Karnival spontanju tan-Nadur, għall-ewwel darba fl-istorja se tiġi organizzata parata spettakolari bit-tema “Għawdex: Kuluri, Ħajja u Spettaklu”. Din il-parata ta’ dwal, briju u żfin mill-isbaħ se tittella’ fi Triq ir-Repubblika mid-direttur artistiku s-Sur Felix Busuttil. Fl-istess waqt, il- Maskri grotteski, karrijiet trijonfali u kumpaniji taż-żfin mhux se jonqsu f’dan il-programm tal-Karnival.
Il-Ministru spjega kif Għawdex lest biex bħalma jiġri ta’ kull sena jilqa’ eluf ta’ Maltin u turisti li jagħżlu lill-gżira għall-festi tal-Karnival. Anton Refalo rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Gozo Channel li huma kruċjali f’dan it-tmiem il-ġimgħa importanti. Dan isegwi l-ħidma ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fejn fil-weekend tal-Valentine’s, il-Gozo Channel minn u lejn Malta ġarret 35, 577 passiġġier u 10, 543 vettura permezz ta' rekord ta’ 154 vjaġġ.
Il-Ministru Refalo radd ħajr lid-dilettanti tal-karnival li jaħdmu bla heda u b’mod volontarju tul is-sena kollha u lill-kumitati kollha involuti kemm dawk ta’ Għawdex kif ukoll ta’ Malta li għenu biex il-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex jkompli jikber. Il-programm tal-Karnival ta’ Għawdex jista’ jinkiseb minn din il-paġna:
http://www.gozoculture.com/images/page_images/modules/carnival_programme_2014-en.jpg
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en