Left arrow Mur Lura

AKTAR GĦARFIEN DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA TAĊ-ĊITTADINI GĦALL-ĦADDIEMA TAS-SERVIZZ PUBBLIKU

pr140282
Date Icon 19/02/2014

Illum il-Gvern nieda programm ta’ taħriġ dwar il-protezzjoni tad-data għall-uffiċċjali kollha tas-Servizz Pubbliku li huma responsabbli minn dan il-qasam.

Dan il-proġett kien varat mill-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli.  Dalli qalet li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini kollha.  Il-libertajiet ċivili li qed jaħdem fuqhom dan il-Gvern ikopru wkoll id-drittijiet marbuta mal-protezzjoni tad-data.

Hi fakkret kif f’Malta dan id-dritt huwa mnaqqax fil-Kostituzzjoni, kif ukoll  permezz tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem, li Malta hija firmatarja tagħha.  Dott. Dalli qalet li fl-Ewropa qed isiru ħafna żviluppi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u għalhekk pajjiżna jrid jiżgura li bħala Stat Membru fl-Unjoni Ewropea jimxi ma’ dawn l-iżviluppi. 

Il-Ministru Dalli qalet li bħallissa hemm ħafna argumenti li minħabba l-passi ’l quddiem li saru fid-dinja diġitali, id-Direttiva Ewropea dwar dan il-qasam mhix biżżejjed biex toffri l-protezzjoni li hemm bżonn liċ-ċittadini Ewropej. 

L-Istati Membri tal-UE adottaw id-Direttiva b’modi differenti u ħafna drabi l-infurzar ukoll isir b’modi differenti. 

L-Unjoni Ewropeja nidiet proċess biex tirriforma l-qafas legali tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data personali.  Għalhekk il-Kummissjoni Ewropeja proponiet tibdil komprensiv tar-regoli li joħorġu minn din id-Direttiva, biex jissaħħu d-drittijiet tal-privatezza online. 

Din ir-riforma mistennija li tkabbar l-ekonomija diġitali fl-Ewropa u ġġib il-konsistenza fl-interpretazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-data personali. 

Dott. Dalli qalet li huwa fatt magħruf li l-progress teknoloġiku u l-globalizzazjoni jaffetwaw bis-sħiħ il-mod kif id-data personali tinġabar u tiġi proċessata.  Xi drabi tiġi aċċessata bla kontroll, u saħansitra tintuża mingħajr il-kunsens tal-individwu.  L-iżvilupp ta’ social networkssites huwa fenomenu li kiber b’rata mgħaġġla ħafna, u jekk dan kien importanti biex titkattar l-ekonomija diġitali u l-komunikazzjoni soċjali, daqstant ieħor kibret il-biża’ u r-riskju tal-abbuż.

Dalli żiedet li llum kulħadd jirrealizza li dan it-tkabbir ekonomiku diġitali ma jistax isir jekk fl-istess ħin ma jkunx hemm iżjed salvagwardji biex il-protezzjoni tad-data tikber bl-istess mod, u b’hekk tiġi mħarsa aktar il-privatezza. 

Hi qalet li l-Gvern huwa konxju mill-fatt li biex nassiguraw il-privatezza tal-individwi jrid ikollna aktar għarfien tal-liġijiet li jikkonċernaw il-mod kif tiġi proċessata d-data personali.

Hi fakkret kif fi ħdan il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali hemm it-Taqsima għall-Protezzjoni tad-Data li qed tfassal il-politika fuq dan il-qasam, tagħti linji gwida u qed torganizza dan it-taħriġ.

Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fit-tagħlim kontinwu matul il-ħajja u għalhekk qed jinvesti fil-ħaddiema tiegħu u jkabbar il-kapaċita’ nazzjonali fejn tidħol il-protezzjoni tad-data personali. 

Dalli rringrazzjat lill-kapijiet tas-servizz pubbliku u lill-ħaddiema kollha għax bl-għajnuna u l-appoġġ tagħhom il-Gvern jista’ jkun aktar effettivi f’dan il-qasam.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, is-Sur Joe Camilleri. 

Huwa qal li l-protezzjoni tad-data titfa’ ħafna responsabbilta` fuq il-ħaddiema individwali, kif ukoll fuq l-entitajiet konċernati.  Camilleri qal li l-għarfien f’dan il-qasam irid jikber u jitwessa b’mod partikolari fost il-ħaddiema li huma responsabbli miż-żamma u l-proċessar tad-data.

Dan il-programm ta’ taħriġ se jkun qed joffri l-għodda neċessarji kollha lill-uffiċjali responsabbli.  Hu wiegħed l-għajnuna tal-Ministeru f’dan li huma pariri tekniċi.

Tkellem ukoll il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni, is-Sur Joe Ebejer.  Huwa qal li mal-ewwel ra l-benefiċċju ta’ dan il-programm ta’ taħriġ u kien għalhekk li l-Uffiċċju tiegħu daħal bħala sieħeb fil-proġett.

Ebejer saħaq fuq l-importanza li l-uffiċjali kollha tas-Servizz Pubbliku jkunu konxji mill-qafas legali kollu dwar il-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini.

Dan il-programm ta’ taħriġ se jkun qed jingħata fil-ġimgħat li ġejjin lill-uffiċċjali responsabbli mill-protezzjoni tad-data f’kull entita` governattiva fejn tinżamm u tkun proċessata informazzjoni dwar iċ-ċittadini.  Dan il-programm qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u l-Informazzjoni u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp, ir-Riċerka u t-Taħriġ tal-Gvern.  Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow