DISKORS MILL-MINISTRU TAL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR, DR. CHRIS CARDONA WAQT IĊ-ĊERIMONJA TAL-PREMJAZZJONI, PREMJU ĠIEĦ L-ARTIĠJANAT MALTI 2013 U PREMJU INNOVAZZJONI MALTA 2013
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li ninsab preżenti għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni ta’ żewġ inizjattivi li wieħed jista’ anke jsejħilhom prestiġġjużi.
Il-preżenza tagħkom tkompli tikkonferma l-interess li dawn l-inizjattivi qiegħdin jiġġeneraw minn sena għal oħra. Permezz ta’ dan l-avveniment qed inkomplu niċċelebraw il-kreattivita’ u l-innovazzjoni tagħkhom.
Nibda billi nirreferi għall-inizjattiva “Premju Innovazzjoni Malta 2013”. Kellna l-pjacir nassistu għall-premjazzjoni fi-tliet kategoriji ta’ innovazzjoni – dik krejattiva’, dik teknoloġika u dik-xjentifika.
Il-filmati li rajna fuq dawn il-proġetti u d-deskrizzjoni li saret waqt dawn il-filmati, minkejja li fil-qosor, juru biċ-ċar il-livell ta’ kreattivita’ u nnovazzjoni tar-riċerkaturi, xjentisiti u artisti Maltin.
Okkażżjoni bħal din tagħtina l-opportunita’ li nippremjaw it-talent krejattiv u innovativ li bla dubju huwa importanti ferm fil-ħidma tagħna biex inkomplu inkattru l-iżvilupp fil-kreattivita’ u l-innovazzjoni lokali.
Bħala Gvern għarafna l-importanza tal-fond għall-Premju Għall-Krejattività u L-Innovazzjoni u kien għalhekk li fil-baġit tal-2014 reġa ġie allokat fond ta’ €50,000 biex jerġa jiġi organizzat ‘Premju Innovazzuoni Malta 2014’, li nemmnu li jservi bħala nċentiv għal aktar investiment fil-krejattività u l-innovazzjoni f’ setturi tal-edukazzjoni, arti, teknoloġija u manifattura u biex jingħata għarfien lill-imprenduturi krejattivi.
Waqt din iċ-ċerimonja kelli l-unur ukoll li nqassam lir-rebbieħa tal-Premju Innovazzjoni Malta, rikonoxximent ta’ preġju kbir permezz ta’ ċertifikati, medalja u trofew, li ngħataw mill-World Intellectual Property Organisation li hija l-organizzazjoni dinija fi ħdan il-Ġnuq Maqgħuda li għandha r-responsabilita’ li tamministra l-proprjeta intelletwali, fi ftit kliem aspetti diversi ta copyright, patents, trademarks u disinni.
Nixtieq nieħu l-opportunita’ li nsemmi hawnhekk il-kollaborazzjoni li hemm bejn din l-organizzazjoni u d-Dipartment tal-Kummerċ u l-assistenza li qed tingħata lill Malta minn din l-organizzazjoni f’diversi oqsma ta taħriġ u konsulenza dejjem relatat mal-proprjeta intelletwali.
Nixtieq nieħu ukoll l-okkażżjoni li nsemmi ftehim ta’assistenza u kooperazzjoni li d-Dipartiment tal-Kummerċ, li jifforma parti mill-Ministeru li għalih jien responsabbli, ikkonkluda mal- European Patent Organisation, li hija l-organizzazjoni li tamminsitra l-Patent Eworpea, Dan il-ftehim bejn id-Dipartiment tal-Kummerċ u l-EPO, li jwassal sal-2015 u li permess tiegħu Malta tista’ tagħmel użu ta’ assistenza finanzjarja li jwassal sal-fuq minn €400,000, jikkonsisti f’diversi proġetti relatati mat-taħriġ, żvilupp ta’ għodda elettronika, u attivitajiet diversi sabiex jiżdied l-għarfien, dejjem fir-rigward tal-Patents.
F’okkazzjoni bħal tal-lum ma nistax ukoll ma nsemmix il-“Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti”. Ninsab infurmat illi għal din l-edizzjoni ta’ din l-inizjattiva, id-Dipartiment tal-Kummerċ irċieva numru rekord ta’ applikazzjonijiet.
Dan l-interess kien diġa ikkonfermat minn numru inkoraġġanti ta’ parteċipanti li ħadu sehem fit-tliet edizzjonijiet li għaddew u reġa’ ġie ikkonfermat fil-kompetizzjoni tal-elfejn u tlettax li illum qed inġibu fi tmiemha b’din iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni.
L-interess qawwi li intwera minnkom artiġjani Maltin u Għawdxin, eventwalment ġie imsarraf f’numru inkoraġġanti ta’ applikazzjonijiet li d-Dipartiment tal-Kummerċ irċieva matul il-perjodu li wieħed seta’ japplika biex jipparteċipa. Fil-fatt, f’din l-edizzjoni id-Dipartiment irċieva madwar mija u tletin applikazzjoni minn artiġjani u entitajiet oħra.
Ftit tal-ħin ilu, għadna kif assistejna għaċ-ċerimonja tal-premjazzjoni u rajna dsatax - il prodott jew proġett ikunu ippremjati. Kieku kien possibli, in-numru ta’ rebbieħa kien ikun anke akbar minnhekk għax kif ġejt informat, il-livell, fil-kategoriji kollha, partikolarment fil-kategorija tal-prodotti, kien għoli ħafna.
Hawnhekk għandna niftakru li r-rikonoxximent tal-Gvern lejn l-artiġjani u lejn min jaħdem favur l-artiġjanat Malti ukoll huwa wieħed b’saħħtu, tant illi għadna kif assistejna għal għoti ta’ premjijiet li jammontaw għal ħamsa u tmenin elf Ewro.
Tajjeb infakkar ukoll illi dawn il-flus huma biss parti minn fond li jlaħħaq għal mija u ħamsa u erbgħin elf ewro li għal darb’oħra rega’ ġie allokat fil-baġit biex isostni s-settur tal-artiġjanat lokali. Bil-kumplament tal-flus ivvotati, id-Dipartiment tal-Kummerċ tella’ Konferenza dwar l-artiġjanat aktar kmieni din is-sena kif ukoll organizza u iffaċilita numru ta’ fieri f’diversi lokalitajiet, fosthom il-Belt Valletta, Buġibba u tas-Sliema.
Hawnhekk nista’ ninformakom illi taħdidiet diga’ bdew mal-Ministeru tat-Turiżmu u mall-Awtorita għat-Turiżmu biex aktar attivitajiet bħal dawn jibqgħu isiru din is-sena, jekk ma jiżdidux fin-numru ukoll.
Bejn Diċembru tas-sena l-oħra u Jannar ta’ din is-sena, ġiet imtella’ esibizzjoniji ġewwa ċ-Ċentru tal-Artiġjanat Malti li jinsab fi Pjazza San Ġwann il-Belt Valletta ta’ dawk il-prodotti artiġjanali li kienu ħadu sehem fil-kompetizzjoni li illum qed inħabbru r-rebbieħa tagħha.
Ninsab infurmat ukoll illi ħafna minn dawn il-viżitaturi, kemm Maltin kif ukoll barranin, kellhom kliem ta’ tifħir u apprezzament għall-wirja b’mod ġenerali u partikolarment għall-ħafna mill-prodotti li kienu qed jiġu esibiti.
Nixtieq nifraħ lid-Dipartiment tal-Kummerċ talli tella’ din l-esibizzjoni kif ukoll ngħid prosit lil kull wieħed u waħda minnkom li kellkom il-prodott tagħkom esibit f’din il-wirja.
Infakkar illi fl-erba’ edizzjonijiet ta’ din l-inizjattiva b’kollox ipparteċipaw ftit anqas minn ħames mitt artiġjan u entitajiet li b’xi mod ħadmu favur is-settur tal-artiġjanat u b’kollox ingħataw premjijiet li jlaħħqu kważi nofs miljun ewro. B’dawn il-flus, id-Dipartiment tal-Kummerċ organizza u ħoloq diversi inizjattivi, fosthom:
- Konferenza Annwali dwar l-artiġjanat li anke tifforma parti mill-attivitajiet uffiċjali ta’ Malta biex tiġi iċċelebrata l-SME Week madwar l-Ewropa,
- organizzazzjoni ta’ numru dejjem jiżdied ta’ Artisan Fairs f’diversi lokalitajiet flimkien mal-Awtorita’ tat-Turiżmu,
- numru ta’ esebizzjonijiet,
- promozzjoni permezz ta’ reklami,
- sensiela ta’ korsijiet, u
- żvilupp u sostenn ta’ Web Portal ġdid għall-artiġjani Maltin.
Dawn huma kollha inizjattivi li jagħtu spinta il-quddiem lil dawk kollha li jfittxu li jipparteċipaw fihom.
Nieħu l-opportunita ukoll biex ngħid xi ħaġa dwar il-Crafts Portal. Hemm madwar mitejn artiġjan minn Malta u Għawdex li irreġistraw mal-Portal u issa għandhom id-dettalji tagħhom u tal-prodotti tagħhom jidhru fuqu. Nappella biex aktar artiġjana biex jifhmu kemm dan il-mezz elettroniku jista’ jgħinhom ikabbru il-preżenza tagħhom fis-suq u jżidu l-kuntatti ma’ klijenti ġodda li jitħajjru jixtru l-prodotti tagħhom.
Fl-aħħar nixtieq nifraħ lil kull wieħed u waħda minnkom il-parteċipanti, kemm dawk li rebħu premju kif ukoll lil dawk li ma kienux fost ir-rebbieħa.
Għal darb’oħra nerġa’ intenni is-sodisfazzjon tal-Ministeru għall-livell għoli li intlaħaq f’din il-kompetizzjoni. Irrid nirringrazzja wkoll lid-Dipartiment tal-Kummerċ għax-xogħol kollu li jagħmel sabiex jorganizza din l-inizjattiva minn sena għal sena u għal xogħol ieħor li jagħmel matul is-sena għall-ġid tas-settur tal-artiġjanat u kif ukoll l-imprenditur innovativ u krejattiv Malti u Għawdxi.
Bi pjaċir ninformakom illi edizzjoni tal-inizjattivi “Premju Ġieħ l-Artiġjanat Malti” u “Premju Innovazzjoni Malta” se jergħu jkunu organizzati għal din is-sena 2014 u huwa mistenni li l-kompetizzjonijiet jiġu imnedija uffiċjalment fil-ġimgħat li ġejjin.
Fl-aħħar nagħlaq billi nistieden u ninkoraġġixxi lilkom u lil artiġjani sħabkom sabiex tkomplu tipparteċipaw fl-inizjattivi organizzata minn żmien għal żmien.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en