FI KWAŻI 8 XHUR IL-KWISTJONIJIET MAL-UNESCO HUMA KWAŻI SOLVUTI” – DR JOSE` HERRERA
F’Konferenza tal-Aħbarijiet dwar il-ħidma tal-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali Jose’ Herrera qal li l-kwistjonijiet kollha li pajjiżna kellu fl-aħħar snin mal-UNESCO issa huma prattikament solvuti. Herrera qal li dan is-suċċess huwa dovut għal tim sħiħ ta’ nies li taw prijorita` lit-talbiet tal-UNESCO u wieġbu għad-domandi li sarulhom. Ħafna mill-problemi li pajjiżna kellu mal-UNESCO kienu dovuti għan-nuqqas ta’ dokumentazzjoni li bħala pajjiż konna nintalbu biex ngħaddu izda ma ntbagħtux. Dwar it-titlu tal-Belt Valletta bħala sit ta’ Wirt Dinji ingħalqu darba għal dejjem il-kwistjonijiet li seta’ kien hemm fuq il-“Master Gunner’s Quarters”, is-“Saluting Battery” u l-estenzjoni tal-qrati filwaqt li dwar il-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta twaqqfet missjoni li kellha tintbagħat f’pajjiżna u minflok ġew aċċettati l-osservazzjonijiet li saru min-naħa tal-Gvern Malti.
Dwar iċ-ċaqlieq tas-Suq il-miftuħ fil-Belt Valletta u l-bini qrib is-sit tat-Tempju Megalitiku ta’ Ħaġrat l-Imġarr, il-UNESCO kienet sodisfatta bl-ispjega u l-każ issa ġie magħluq ukoll. Fil-fatt dwar it-tempji ta’ Ħaġrat li huwa rikonoxxut mill-UNESCO mal-bqija tat-tempji neolitici li jinsabu madwar Malta u Għawdex, is-Segretarju Parlmentari kkwota silta minn rapport tekniku li ħejjiet l-ICOMOS għall-UNESCO li qalet hekk:
“It is agreed that the develpoment will have no direct negative impact on the Outstanding Universal Value of the property” (ICOMOS, Paris – January 2014)
Dwar iċ-ċaqlieq tas-Suq, ICOMOS Paris qalet hekk:
“Both the location and the situation of individual stalls is totally reversible so that there will no obvious damage to the Outstanding Universal Value of the Valetta World Heritage Site.” (ICOMOS, Paris – December 2013)
Dwar il-Maganement Plans li ntlabna mill-UNESCO fl-2005, f’Ottubru 2013 dan ġie sottomess u ser jittella’ kabinett għal approvazzjoni tagħhom.
Twaqqif ta’ Struttura għall-Ħidma tal-Unesco f’Malta
Is-Segretarju Parlamentari qal li bħalissa qegħdin fuq l-għatba li nfakkru l-50 anniversarju minn meta Malta ssieħbet fil-UNESCO fl-1965. Tul dawn is-snin, ittieħdu diversi inizjattivi relatati mal-kompetenzi tal-UNESCO, l-ewlenin fosthom jirrigwardjaw is-siti ta’ Wirt Dinji. L-akkwisti maġġuri f’dan ir-rigward seħħew fl-1980 meta pajjiżna rnexxielu jsieħeb lill-Belt Valletta, t-Tempji Megalitiċi f’Malta u Għawdex u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni fil-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji.
Tmintax-il sena wara, Malta nkludiet seba’ siti storiċi u naturali oħra fil-lista ta’ siti tentattivi biex jiġu kkunsidrati u jgħaddu għal-lista nominattiva għat-titlu ta’ siti ta’ Wirt Dinji.
Sfortunatament, f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena, ftit sar sforz biex jinbeda l-proċess li jwassal biex dawn is-siti jiġu rrikonoxxuti bħala siti ta’ Wirt Dinji.
Huwa qal li mal-ħatra tal-Ambaxxatur u Delegat Permanenti l-ġdid ta’ pajjiżna għall-UNESCO, f’Lulju li għadda, l-Gvern permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Kunsilli Lokali ddeċieda li għall-ewwel darba jagħti struttura xierqa u effettiva lill-Uffiċċju tal-UNESCO f’pajjiżna.
Għal dan il-għan:
• Twaqqfet għall-ewwel darba struttura b’riżorsi umani neċessarji biex tassisti lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO fit-tmexxija ta’ l-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti f’Malta.
• Inkera post temporanju fix-Xagħra Għawdex biex iservi ta’ Uffiċċju temporanju għad-Delegazzjoni Permanenti.
• Bdew it-tħejjijiet neċessarji biex flimkien mal-Ministeru għal Għawdex jiġu evalwati x-xogħolijiet meħtieġa fil-bini identifikat fiċ-Ċittadella t’Għawdex biex jospita permanentament l-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti.
• Twaqqaf għall-ewwel darba in-National World Heritage Sites Steering Committee fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari tal-Kultura u Kunsilli Lokali li huwa magħmul minn persuni tekniċi li l-ħidma tagħhom hija relatata ma’ siti ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO f’Malta u Għawdex. Dan il-Kumitat li huwa ppresedut mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO, jiltaqa’ regolarment biex jiddiskuti materji relatati mas-siti ta’ Wirt Dinji attwali u dawk li ser jiġu ppreżentati biex jingħataw dan it-titlu prestiġġjuż.
• Bdew tħejjijiet biex matul l-2015 jitfakkar b’inizjattivi konkreti u sostenibbli, il-50 anniversarju tat-tisħib ta’ Malta fil-UNESCO.
Ħidma mwettqa u riżultati miksuba
Għalkemm fi żmien relattivament qasir, f’dawn l-aħħar sitt xhur, l-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti tal-UNESCO f’Malta kien katalist biex twettqet din il-ħidma u ttieħdu dawn l-inizjattivi:
• Ġie diskuss fid-dettal u attwat pjan t’azzjoni urġenti biex jiġi salvagwardjat it-titlu ta’ sit ta’ Wirt Dinji mogħti lill-Belt Valletta. Minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-UNESCO dwar il-proġett estensiv ta’ Bieb il-Belt, kien hemm sitwazzjoni li setgħet tiżviluppa f’waħda inkrepattiva b’konsegwenzi fuq it-titlu ta’ sit ta’ Wirt Dinji li tgawdi l-Belt Valletta. Kienu diġa’ bdew ukoll it-tħejjijiet minn naħa tal-UNESCO biex tintbagħat missjoni evalwattiva biex tanalizza s-sitwazzjoni tal-proġett u tħejji rapport ta’ rakomandazzjonijiet għall-UNESCO. Wara żjara tal-Ambaxxatur il-ġdid ta’ Malta għall-UNESCO lil World Heritage Centre u lill-ICOMOS International f’Pariġi, irnexxilna nikkonvinċuhom li m’hemmx ħtieġa ta’ din il-missjoni evalwattiva, u minflok riċentament in-National World Heritage Sites Steering Committee bagħat il-materjal kollu informattiv u evalwattiv rikjest mill-UNESCO.
• Mal-istess World Heritage Centre f’Pariġi ġew trattati każijiet li dwarhom kienu rċievew rapporti anonimi jew permezz tal-media Maltija, bħalma huma dawk dwar iċ-ċaqlieq tas-Suq il-miftuħ tal-Belt Valletta u l-bini qrib is-sit tat-Tempju Megalitiku ta’ Ħaġrat fl-Imġarr. Fiż-żewġ każijiet il-UNESCO kienet sodisfatta bl-informazzjoni u l-ispjega li ntbagħtitilhom mill-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti u għalqet il-każ.
• Ġew diskussi fid-dettal il-Management Plans għas-siti ta’ Wirt Dinji tal-Belt Valletta u tat-Tempji Megalitiċi f’Malta u Għawdex. Dawn huma rikjesti mill-UNESCO għas-siti li ngħataw dan it-titlu fil-passat. Issa jmiss l-approvazzjoni tal-Kabinett tal-Ministri, biex dawn iż-żewġ dokumenti prattiċi jsiru għodda approvata għall-ħarsien u ż-żamma tas-siti tal-UNESCO f’pajjiżna.
• Bdew laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet u entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-wirt storiku u ambjentali. Dawn jinkludu l-ICOMOS (Malta), l-ICOM (Malta), Wirt Artna u Din l-Art Ħelwa. Bdew ukoll laqgħat mas-Sindki ta’ lokalitajiet li fihom hemm siti ta’ Wirt Dinji bħall-Belt Valletta.
Fil-qasam Edukattiv, l-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO wettaq dawn il-ħidmiet:
• Ġiet stabbilita relazzjoni ta’ komunikazzjoni u parteċipazzjoni bejn l-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti ta’ Malta għall-UNESCO u l-Kummissjoni Nazzjonali tal-UNESCO maħtura mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
• Inbeda l-proċess biex terga’ tiġi ri-attivata l-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-Associated Schools Project Network tal-UNESCO.
• Ġiet stabbilita relazzjoni ta’ ħidma mal-Kulleġġ ta’ Għawdex biex permezz tal-għalliema peripatetic tal-PSD u ta’ l-Arti, titħejja l-ewwel publikazzjoni minn sensiela ta’ kotba adattati għat-tfal b’temi elenkati fil-kurrikulu tal-UNESCO.
• Permezz tar-relazzjoni mal-Gozo College u mal-Ministeru tal-Edukazzjoni ġie identifikat post fid-daħla ta’ Wied il-Lunzjata, limiti tar-Rabat, Għawdex biex iservi bħala Education, Science and Culture Centre għall-inizjattivi u proġetti edukattivi tal-UNESCO.
• Qed titħejja d-dokumentazzjoni neċessarja biex tiġi dikussa mal-Universita’ ta’ Malta, u mal-Ministeri tal-Edukazzjoni u dak tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, l-possibilita’ li titwaqqaf il-UNESCO Chair f’Malta.
It-triq ‘il quddiem
Il-ħidma tal-Uffiċċju tad-Delegazzjoni Permanenti tal-UNESCO f’Malta, għax-xhur u s-snin li ġejjin hija waħda ambizzjuża u ffukata. Fost il-miri fil-Business Plan għall-2014 ta’ dan l-istess uffiċċju nsibu:
• Ħatra għall-ewwel darba minn National World Heritage Sites Committee, ta’ tliet Site Managers: il-Perit Mireille Fsadni għas-sit ta’ Wirt Dinji tal-Belt Valletta; il-Perit Wendy Jo Attard għas-sit nominat għat-titlu ta’ Wirt Dinji tal-Imdina u l-Perit Ivana Farrugia għas-sit nominat għat-titlu ta’ Wirt Dinji taċ-Ċittadella ta’ Għawdex.
• Inbeda l-proċess biex tinġabar id-dokumentazzjoni meħtieġa biex is-siti tal-Imdina u taċ-Ċittadella ta’ Għawdex, jgħaddu mill-lista ta’ siti tentattivi għal dik ta’ sit nominat u eventwalment għal sit rikonoxxut bħala ta’ Wirt Dinji.
• Inbeda l-proċess biex għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, jiġu nominati żewġ elementi ta’ Wirt Intanġibbli – il-lingwa Maltija u l-festa Maltija, biex dawn jingħataw it-titlu prestiġġjuż ta’ Masterpieces of Oral and Intangible World Heritage.
• Tlestiet l-applikazzjoni formali, bl-għajnuna tal-Akkademja tal-Malti biex għall-ewwel darba, Malta tinkludi fir-Reġistru ta’ l-International Memory of the World, id-dokument ta’ valur storiku, magħruf bħala ‘Il-Kantilena ta’ Pietru Caxxaro’.
• Ġew stabbiliti relazzjonijiet mal-ICCN (Intangible Cultural Cooperation Network) u qed tiġi studjata l-possibilita’ li Malta tospita l-Konferenza Ġenerali ta’ din l-organizazzjoni fl-2015.
• Inbeda l-proċess biex tiġi analizzata il-Convention for the Safeguarding of the Intangible Cultural Heritage versu l-liġijiet ta’ Malta, sabiex pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jirratifika din il-Konvenzjoni mportanti tal-2003.
• Saru stediniet formali biex iżur pajjiżna d-Direttur Ġenerali tal-ICCROM fl-2014 u d-Direttur Ġenerali tal-UNESCO fl-2015 fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju minn meta Malta ssieħbet fil-UNESCO.
Il-Konferenza tal-Aħbarijiet kienet indirizzata ukoll mill-Ambaxxatur u Delegat Permanenti l-ġdid ta’ pajjizna għall-UNESCO Joe Vella Gauci.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en