STQARRIJA KONĠUNTA BEJN IL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U T-TKABBIR EKONOMIKU
Jintlaħaq ftehim fil-prinċipju li jiġi konkluż il-Bilateral Maritime Cooperation Agreement bejn Malta u l-Greċja
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis kellhom laqgħa ta’ kortesija mal-Eċċellenza Tiegħu, il-Ministru Grieg għall-Affarijiet Marittimi, Miltiadis Varvotsiotis li bħalissa qed jakkumpanja lill-President Grieg, Karolos Papoulias għall-żjara statali f’pajjiżna
Għal din il-laqgħa attendew ukoll l-Ambaxxatur Malti għall-Greċja l-Eċċellenza Charles Stafrace, kif ukoll l-Ambaxxatur Grieg għal Malta l-Eċċellenza Alexandros Rallis.
Fil-laqgħa ġew diskussi l-prijoritajiet tal-Presidenza Griega. Il-Ministru Joe Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis għamlu referenza għall-abbozz ta’ Maritime Coperation Agreement li kien ġie propost minn Malta lill-awtoritajiet Griegi f’Awwissu tal-1993 u li baqa’ qatt ma ġie konkluż. Dwar dan, iż-żewġ partijiet ftiehmu li se jaħdmu biex jaġġornaw dan l-abbozz u jikkonkluduh fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Ministru Mizzi u s-Segretarju Parlamentari Zammit Lewis ipproponew ukoll li possibilment, f’Settembru li ġej, isir it-tri-partite meeting dwar il-koperazzjoni marittima, f’Malta, fejn Malta tospita lil Greċja u lil Ċipru. Kien hemm qbil ukoll fil-prinċipju li titwessa’ din il-koperazzjoni marittima ma’ pajjiżi oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en