L-OPERATURI TAL-LUKANDI F’GĦAWDEX JIRRAPPURTAW REKORD TA’ BOOKINGS GĦALL-INIZJATTIVA “TRAVEL TO GOZO WEEKEND - VALENTINE SPECIAL”
Dalgħodu l-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, għamel żjara lil diversi operaturi tal-lukandi f’Għawdex b’rabta mal-inizjattiva tal-Gvern - “Travel to Gozo Weekend - Valentine Special”. B’ sodisfazzjon, diversi operaturi tal-lukandi stqarrew iż-żieda rekord li raw fil-bookings meta mqabbel mas-sena l-oħra.
L-inizjattiva tant kienet ta’ suċċess li diġà sitt lukandi f’Għawdex sal-Ħamis filgħodu rrappurtaw li huma fully booked. Waqt din iż-żjara, l-operaturi tkellmu kif is-soltu l-ħaddiema fis-settur turistiku f’Għawdex jaħdmu fix-xhur tas-sajf biss u grazzi għal dawn l-inizjattivi, fl-aktar żmien kajman tas-sena, qed jirnexxilhom iħallu x-xogħol tagħhom għaddej matul is-sena kollha.
Jirriżulta li x-xahar ta’ Frar, il-maġġoranza assoluta ta’ 1,732 sodda li jinsabu fil-lukandi f’Għawdex diġà huma mimlijin. Dan mhux każ iżolat. Inizjattiva oħra meħuda mill-Ministeru t’Għawdex f’Novembru li għadda wasslet biex f’Novembru kien hemm żieda ta’ 49% fil-bookings tal-lukandi meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Din iż-żieda li qed tesperjenza l-gżira Għawdxija fil-qasam tat-turiżmu qed tħeġġeġ lin-negozjanti biex ma jibqgħux iħarsu lejn Għawdex bħala l-post li tinvesti fih għax-xhur tas-sajf biss, u qed jikkunsidraw li joħolqu aktar impjiegi matul is-sena kollha.
Diversi operaturi tal-akkomodazzjoni stqarrew kif għal dan il-weekend, l-akkomodazzjoni tagħhom hija kompletament fully booked. Iċ-Chief Executive Officer tal-Gozo Tourism Association, is-Sur Joe Muscat tkellem kif b’dawn l-inizjattivi l-Gvern qed jaħdem bis-sħiħ biex ifakkar lit-turist domestiku li Għawdex jeżisti u huwa post mimli sbuħija u rikezzi li jista’ jitgawda fin-natural tiegħu f’dawn iż-żminijiet xitwin. Il-Ministru Anton Refalo saħaq fuq l-impenn tal-Gvern biex b’inizjattivi innovattivi jaħdem spalla ma’ spalla mas-settur privat biex flimkien jdawru l-ekonomija Għawdxija matul is-sena kollha.
“Aħna qed naħdmu biex din il-gżira jkollha policies u inizjattivi li jiffukaw fuq l-elementi uniċi tagħha. B’determinazzjoni rridu nassiguraw lit-turist Malti jerġa’ jibda jħares lejn il-gżira Għawdxija bħala destinazzjoni attraenti għall-vaganza tiegħu. Għawdex għandu ekonomija turistika li hija differenti minn Malta għaliex tiddependi b’mod aktar sħiħ fuq t-turiżmu domestiku”, sostna l-Ministru Refalo. L-istatistika turi li għal kull turist barrani jkun hawn turist intern. Dan jindika biċ-ċar l-importanza tas-settur domestiku għal Għawdex. B’hekk il-Ministru Refalo tenna l-impenn tiegħu biex fiż-żmien li ġej ikompli jaħdem biex jagħti lis-suq domestiku f’Għawdex l-ispinta li tixraqlu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en