STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA' MALTA
Ċifri ppublikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindikaw li f'Settembru 2013 kien hemm 157,684 impjieg full-time f'pajjiżna, jiġifieri tkabbir ta' 3,547 impjieg full-time fl-ewwel sitt xhur ta' din l-amministrazzjoni. B'kuntrast, fl-aħħar sitt xhur tal-amministrazzjoni preċedenti, ż-żieda fl-impjiegi full-time kienet ta' 795.
Dan ifisser li, taħt l-amministrazzjoni preżenti, l-impjiegi full-time żdiedu b'aktar minn erbgħa għal kull impjieg li żdied taħt l-amministrazzjoni passata.
Il-kuntrast fir-rekord ekonomiku joħroġ aktar ċar meta wieħed jikkunsidra li, fl-aħħar sitt xhur tal-amministrazzjoni preċedenti, kien hemm żieda ta' 639 impjieg full-time mas-settur pubbliku. Jiġifieri erba' minn kull ħames impjiegi kienu nħolqu mal-Gvern jew mal-kumpaniji tiegħu. Dan meta fl-ewwel sitt xhur ta' din l-amministrazzjoni, kienu biss wieħed minn kull għaxar impjiegi li nħolqu fis-settur pubbliku.
Filwaqt li fl-aħħar sitt xhur tal-Gvern preċedenti, l-impjiegi mas-settur privat żdiedu b'156 biss, jew b'anqas minn wieħed kuljum, taħt l-amministrazzjoni preżenti, kien hemm żieda ta' 3,164, jew kważi tmintax kuljum.
L-istatistika ppublikata llum tindika wkoll kif fl-aħħar sitt xhur tal-Gvern preċedenti, in-numru ta' impjiegi full-time f'Għawdex naqsu b'55. B'kuntrast, fl-ewwel sitt xhur tal-Gvern preżenti, kien hemm żieda ta' 372.
L-istess jista' jingħad fis-settur tas-self-employed. Fl-aħħar sitt xhur tal-Gvern preċedenti kien hemm tnaqqis ta' 56 impjieg full-time filwaqt li fis-sitt xhur ta' wara rajna żieda ta' 271.
Din l-amministrazzjoni se tibqa' ffukata fuq il-ħolqien ta' opportunitajiet li jagħtu ċ-ċans lil uliedna jsibu x-xogħol li jixraqilhom biex ikunu suċċess u jinvestu fil-futur tagħhom u ta' pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en