GRIEVANCES UNITS GĦALL- IMPJEGATI TAL-GVERN IRTIRATI
Il-Grievances Units li l-Gvern għadu kemm waqqaf fid-diversi Ministeri tiegħu se jkunu qed jistħarrġu wkoll talbiet dwar allegati inġustizzji mressqa minn uffiċjali jew impjegati pubbliċi li rtiraw mis-servizz pubbliku.
Dawn il-Grievances Units se jkunu qed jistħarrgu talbiet dwar allegati inġustizzji li seħħew fis-seba’ snin li għaddew kif ukoll talbiet dwar inġustizzji li jkunu seħħew qabel dan il-perjodu imma li l-konsegwenzi tagħhom affettwaw negattivament lil min ikun qed iressaq it-talba matul is-seba’ snin li għaddew.
Uffiċjali u impjegati pubbliċi rtirati għandhom iressqu t-talba tagħhom fis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru li jkunu ħadmu l-aħħar fih qabel irtiraw. It-talbiet li kemm jista’ jkun għandhom jinkludu magħhom id-dokumenti kollha relatati jintlaqgħu bejn nhar it-Tlieta, 11 ta’ Frar u nhar it-Tnejn, 10 ta’ Marzu, 2014.
Kull talba għandha titressaq bil-kitba u fiha għandha tkun imfissra t-talba u l-allegata inġustizzja. Meta persuna tkun qed tressaq talba, awtomatikament tkun qed tawtorizza lill-Grievances Unit li taċċessa dokumenti relatati ma’ min ressaq it-talba.
Talbiet dwar inġustizzji li dwarhom ikunu ddeċidew diġà Tribunali tal-Qorti m’għandhomx jiġu ppreżentati lill-Unit. Dan iżda jgħodd sakemm ma jiġix ippreżentat tagħrif ġdid dwar il-każ li allura jkun jimmerita stħarriġ tal-istess talba imressqa u sakemm id-deċizjoni meħuda mit-tribunal ma tkunx ġiet implimentata mill-amministrazzjoni u allura l-inġustizzja mhux irranġata.
F’każi fejn talba dwar inġustizzja tkun diġà ngħatat fehma dwarha mill-Ombudsman, il-Unit jista’ biss jinvestiga t-talba jekk il-fehma tal-Ombudsman ma tkunx ġiet implimentata u/jew l-inġustizzja rranġata. F’kull każ iżda, il-Unit se jieħu inkonjizzjoni d-deċiżjoni tat-tribunali tal-Qorti jew il-fehma tal-Ombudsman.
Kemm-il darba ma jkunx meħtieġ mod ieħor, il-Units għandhom jistħarrġu u jagħtu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom fuq kull talba mressqa fi żmien xahrejn minn meta t-talba tkun ġiet imressqa.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en