STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-GVERN TA’ MALTA
Kuntrarjament għall-impressjoni li ppruvat tagħti l-Oppożizzjoni, il-figuri tal-Labour Force Survey juru li r-rata ta' impjiegi f'Malta fi tmiem it-tielet kwart tal-2013 laħqet il-61.3%. Dan meta sena qabel kienet 59.6%.
Malta telgħet mis-seba’ mill-aħħar post fl-Ewropa għall-ħdax mill-aħħar, jiġifieri titjib ta' erba’ postijiet fil-klassifika tar-rata ta’ impjiegi. Il-gap bejn ir-rata ta' impjiegi f'Malta u dik fl-Ewropa naqset minn kważi 5 punti perċentwali sena ilu, għal kważi 3 punti perċentwali issa.
Il-Gvern huwa konxju li fadal iktar x’isir biex Malta tilħaq il-livelli ta' pajjiżi Skandinavi – fost oħrajn l-Iżvezja li għandha rata ta’ impjiegi ta’ 76% - imma żgur li l-andament tal-impjiegi f’pajjiżna huwa tajjeb.
Minflok toqgħod tbeżża’ b'fabbrika li tista’ tnaqqas il-ħaddiema, u tiftaħar kemm salvat impjiegi meta kienet fil-Gvern, l-Oppożizzjoni għandha tinnota li, skond il-figuri tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, taħt l-amministrazzjoni preċedenti ntilfu 2,262 impjieg full-time fil-manifattura, jiġifieri aktar minn impjieg kuljum.
B’kuntrast, bejn Marzu u Awissu tal-2013, l-aktar figuri riċenti tal-ETC, l-impjiegi full-time fil-manifattura żdiedu b'169.
Ix-xogħol jinħoloq bil-fatti, u mhux bil-kliem. Il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità jibqa’ prijorità assoluta għal dan il-Gvern.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en