Titnieda l-A+ ACCESSIBILITY AWARD
Se nżiedu l-inklużjoni b’aċċessibilità akbar
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, niedew illum kompetizzjoni annwali li tħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali jinvestu f’titjib infrastrutturali bl-iskop li tiżdied l-aċċessibiltà għall-persuni b’diżabilità fil-belt jew raħal tagħhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet is- Segretarji Parlamentari Franco Mercieca u José Herrera ħabbru d-dettalji ta’ din il-kompetizzjoni li se tkun qiegħda tippremja tliet kunsilli lokali li se jkunu qegħdin jimplimentaw proġetti fil-lokalità tagħhom li se jkunu qegħdin itejbu l-aċċessibilità fil-komunità tagħhom.
Il-Kunsill Lokali li se jikklassifika fl-ewwel post minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni li se jkun qed jinħatar biex jevalwa l-proġetti implimentati bejn l-1 ta’ April u t-30 ta’ Ottubru li ġej se jkun qiegħed jingħata premju ta’ €25,000 waqt li t-tieni u t-tielet klassifikat se jkunu qegħdin jingħataw €15,000 u €8,000 rispettivament. Il-premji se jingħataw waqt ċerimonja li se tittella’ fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru, il-ġimgħa ddedikati lill-persuni b’diżabilità.
Is- Segretarju Parlamentari Franco Mercieca qal li din l-iskema mhux biss se tkun qed tolqot b’mod dirett u pożittiv il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità fil-lokalità fejn jgħixu, iżda se tkun qed tgħina nifhmu aħjar l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum il-persuni b’diżabilità fil-komunitajiet tagħhom f’dik li hija aċċessibilità.
Huwa żied jgħid li din l-iskema se tkun qiegħda tinċentiva lill-Kunsilli Lokali biex jaħsbu b’mod kreattiv u innovattiv biex isibu soluzzjonijiet għall-problemi ta’ aċċessibilità waqt li jagħrfu l-bżonnijiet partikolari tal-komunità tagħhom stess. Saħaq li permezz ta’ din l-iskema se nkunu qegħdin nippromwovu l-aċċessibilità bħala esperjenza pożittiva u li għandha tiġi adottata mil-lokalitajiet kollha permezz tal-Kunsilli Lokali.
“Għall-persuni b’diżabilità, l-aċċessibilità hija kruċjali biex jiksbu aċċess għall-edukazzjoni, xogħol u servizzi oħrajn ta’ importanza kritika u b’din l-iskema qegħdin inkomplu nieħdu miżuri konkerti biex ngħinu lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’mod indipendenti u jipparteċipaw fl-aspetti kollha tal-ħajja”, Franco Mercieca.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari José Herrera semma diversi eżempji ta’ kif tista’ titjib l-aċċessibilità fil-lokalitajiet f’pajjiżna, fosthom bankini li ma jkollhom ebda ostakolu, għamara tat-triq, titjib f’entraturi ta’ negozji, tabelli li jinqraw faċilment, aċċess pubbliku għall-Wi-Fi u kull inizijattiva oħra li tista’ ttejjeb l-aċċessibblità għall-persuni b’diżabilità li huma lkoll sinjal ċar ta’ komunitajiet inklussivi.
José Herrera qal li kriterju ewlieni stabbilit f’din il-kompetizzjoni huwa li l-investiment minimu jrid ikun ta’ mill-inqas €3,000.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jiftħu mil-lum stess u l-applikanti għandhom sat-30 ta’ Marzu, 2014 biex jissottomettu ‘project brief’ tal-inizjattiva li għandhom intenzjoni li jwettqu.
L-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt jew jinġabru mis-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en