GVERN IMPENJAT LI JASSISTI U JIPPROMWOVI L-SMEs
Il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta, organizza seminar ‘X’hemm fil-Buġit ta-EU għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) Maltin?’
L-għan prinċipali ta’ dan is-seminar kien li jgħin lill-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) jifhmu aħjar kif jaħdmu l-iskemi eżistenti ta’ għajnuna finanzjarja kemm fuq bażi lokali kif ukoll dik internazzjonali, u kif dawn jaffettwaw l-andament ġenerali u l-livell ta’ tkabbir, biex b’hekk jikkontribwixxu b’mod pożittiv lejn l-ekonomija ta’ din il-gżira. Is-seminar sar fl-Ispinola Suite, Hilton Hotel, Portomaso San Ġiljan.
Fil-ftuħ tas-seminar, Dr Christian Cardona stqarr, “L-għan prinċipali tal-Gvern Malti huwa ċar: il-Gvern Malti huwa mpenjat li jkompli jagħti l-assistenza kollha u jippromwovi t-tkabbir tal-intrapriżi żgħar u medji. Il-Baġit għas-sena 2014 juri biċ-ċar li din hija l-intenzjoni tal-Gvern.” B’referenza għas-settur tal-SMEs, huwa qal, “L-importanza ta’ finanzjament għall-SMEs issa ġiet irrikonoxxuta sew. Il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex ifassal strateġiji ġodda li permezz tagħhom l-SMEs jkunu jistgħu jiżguraw il-livell ta’ likwidità mistenni biex ikunu jistgħu jesploraw modi ġodda kif ikabbru n-negozju permezz tal-innovazzjoni.”
Waqt id-diskors tagħha, Dr Joana Drake, DG Enterprise qalet li bħalha l-SME Envoy ta’ Malta, il-Ministru Cardona qiegħed jagħti ħafna enerġia u impenn, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell nazzjonali, għal benefiċċju tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) f’pajjiżna.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, is-Sur John Cassar White saħaq fuq ir-rwol kruċjali li jilagħbu l-intrapriżi żgħar u medji biex imexxu l-ekonomija ta’ Malta ’l quddiem. “Bħala l-istituzzjoni finanzjarja ewlenija f’Malta, aħna nemmnu li hija prerogattiva tagħna li nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-kumpaniji Maltin mhux biss jibqgħu ħajjin, imma jiffjorixxu u jikkompetu kemm fuq bażi lokali kif ukoll internazzjonalment.” Huwa kompla jispjega, “Ix-xahar li għadda, il-Bank of Valletta nieda il-program tal-BOV Start Plus, program li verament iżid l-aċċess għal finanzjament, mhux biss għal intrapriżi żgħar u medji imma wkoll għall-mikrointrapriżi. Bħalma għamel fil-passat permezz tal-BOV JEREMIE, il-Bank ser ikompli juża l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu f’dan il-qasam biex iżid l-opportunitajiet eżisteni ħalli l-imprenditur Malti ikun jista’ jaċċessa l-fondi tal-UE.”
Il-parteċipanti kienu indirizzati minn Dr Joanna Drake, DG Enterprise, is-Sur Karl Herrera mill-Malta Enterprise, is-Sur Armando Melone mill-Kummissjoni Ewropea, u s-Sur Albert Frendo, Chief Officer Credit – Bank of Valletta.
Bil-għan li l-parteċipanti jingħataw ħarsa prattika fuq is-suġġett, kienet organizzata diskussjoni bejn numru ta’ intraprendituri li għamlu użu minn fondi tal-UE biex ikabbru n-negozju tagħhom. Barra minn hekk, il-parteċipanti setgħu jattendu erba’ workshops, u jiddiskutu dwar il-JEREMIE, COSME, Horizon 2020 u skemi nazzjonali oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en