ĦIDMA AVVANZATA FUQ L-ISTRUTTURA TAL-FOND GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI
Tnieda l-proċess ta’ konsultazzjoni bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali dwar l-għanijiet tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ta’ pajjiżna wara li l-Kummissjoni Ewropea, għall-ewwel darba, approvat programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li jpoġġi lill-pajjiżna f’pożizzjoni importanti u kompetittiva.
Fit-tieni laqgħa tiegħu mal-imsieħba soċjali f’anqas minn ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fil-laqgħa mal-Kummissjoni Ewropea, intweriet rieda tajba miż-żewġ naħat biex intlaħaq ftehim fuq livell politiku u anke tekniku.
Il-Prim Ministru qal li issa li ħareġ l-Avviż Legali dwar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, il-pass li jmiss huwa li jitħejjew l-istrutturi kollha sabiex il-programm jħalli l-frott meħtieġ. Qed ikompli jiżdied sew l-interess f’dan il-programm u għaldaqstant avvanzat ferm il-ħidma sabiex jinħolqu l-istrutturi tas-sistema, fosthom Identity Malta li se tkun inkarigata mill-programm kollu.
Il-laqgħa mal-Imsieħba Soċjali varat id-diskussjonijiet dwar l-istruttura tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali li se tixbaħ is-Sovereign Wealth Fund Norveġiż, fejn jinħatar Board of Trustees magħmul minn persuni ta’ integrità, b’kompetenza li jieħdu d-deċiżjonijiet.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern irid jisma’ l-ideat tal-Imsieħba Soċjali dwar id-direzzjoni li għandhom jieħdu t-Terms of Reference ta’ dan il-fond. Il-Gvern jixtieq li l-użu tal-Fondi jkun miftuħ kemm jista’ jkun. B’ħidma bil-għaqal dak li se jinkiseb minn dan il-programm, ikun jista’ jiġi investit fis-soċjetà - fl-innovazzjoni, fl-infrastruttura, fix-xogħol u fit-taħriġ tan-nies u għal twettieq ta’ proġetti li hemm bżonn għall-pajjiż.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en