Left arrow Mur Lura

IR-REĠISTRAZZJONI TAL-MICROSOFT ADVANTAGE SCHEME ESTIŻA SA NHAR IT-TNEJN 17 TA' FRAR

pr140181
Date Icon 01/02/2014

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis jilqa’ b’mod pożittiv li l-‘Microsoft Student Advantage Scheme’ se tiġi estiża għal ġimagħtejn oħra’

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis qal li l-Microsoft Student Advantage Scheme kienet waħda ta’ suċċess u għalhekk laqa’ b’mod pożittiv li tiġi estiża biex b’hekk ikomplu jintlaqgħu aktar applikazzjonijiet mingħand l-istudenti. Ir-rispons kien wieħed tajjeb u l-ammont ta’ applikazzjonijiet li daħlu s’issa huwa stmat li huwa tliet darbiet aktar mill-iskema preċedenti. 

Din l-iskema qed toffri l-aħħar verżjoni tal-Microsoft Office Productivity Suite b'xejn lil 40,000 student Malti, u li l-valur ta’ din l-iskema jiswa’ madwar €99 għal kull student fis-sena. Dan ifisser li madwar €4 miljun ġew investiti għal din l-inizjattiva grazzi għal ftehim bejn Microsoft Malta u l-Malta Information Technology Agency (MITA), f'isem il-Gvern Malti.

Edward Zammit Lewis sostna li huwa jinkoraġixxi lill-istudenti eliġibbli kollha li għadhom m’ applikawx biex jagħmlu dan sabiex jieħdu vantaġġ mill-Microsoft Office Productivity Suite b’ebda spiża addizzjonali ta’ liċenzjar. “Diġà rċivejna numru sostanzjali ta' applikazzjonijiet minn studenti li ssottomettew l-ismijiet tagħhom, imma nixtiequ li l-istudenti kollha li huma intitolati biex japplikaw minnufih. Għalhekk biex nassiguraw li l-messaġġ tagħna jasal għand kull  student b’kull mod possibbli, il-MITA u Microsoft Malta qed iħabbru li din l-iskema se tiġi estiża sas-sbatax ta’ Frar li ġej”, qal Dr. Edward Zammit Lewis.

L-iskejjel kollha statali, kemm primarji u sekondarji, u l-istudenti tal-MCAST se jibbenefikaw direttament permezz ta’ din l-iskema. Madankollu, il-Gvern huwa fil-proċess ta' negozjati sabiex din l-iskema tiġi estiża biex studenti li jattendu skejjel tal-knisja u indipendenti jibbenifkaw minn din l-iskema wkoll.

Ir-reġistrazzjoni għal din l-iskema hija sempliċi u biex student jibbenifika minn din l-iskema m’hemmx bżonn li jmur jistenna fi kju bħal ma kien jiġri fi skemi ta’ qabel.  Studenti li jattendu skejjel tal-Istat jew MCAST diġà rċevew email fuq il-mailbox akkademiku tagħhom fejn intbagħtet informazzjoni relatata kif ukoll kodiċi ta’ verifika u distinitiv. Għalhekk kull student għandu jżur is-sit www.mita.gov.mt/studentadvantage biex jirreġistra. Mix-xahar id-dieħel il-Microsoft Malta se tibgħat email b’aktar informazzjoni ta’ kif wieħed għandu juża s-software ta’ Student Advantage.

Is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis qal li l-iskop ta’ din l-iskema hu li jinkiseb l-aħjar edukazzjoni u ħiliet siewja għaż-żgħażagħ Maltin biex jgħinhom ahjar meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol u b’hekk ikunu jistgħu javvanzaw fil-karrieri rispettivi tagħhom. Permezz tas-sistema edukattiva qed inħejju lill-istudenti tagħna minn stadju bikri biex jersqu aktar lejn l-ekonomija diġitali, industrija li aktar ma tmur qed tkompli tikber fl-importanza tagħha. Dan jgħin biex aktar studenti jkunu aktar kwalifikati u mħarrġa fil-qasam tat-teknoloġija u l-ICT.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow