Left arrow Go Back

RIFORMA TAS-SISTEMA TAL-INFURZAR LOKALI - LEJN SISTEMA AKTAR ĠUSTA U TRASPARENTI

pr140180
Date Icon 01/02/2014

Illum is-Segretarju Parlamentari Responsabbli mill-Kunsilli Lokali José Herrera vara l-white paper dwar ir-riforma tas-sistema tal-Infurzar Lokali. Din is-sistema magħrufa aħjar bħala s-sistema tal-Gwardjani Lokali ddaħlet fis-seħħ fis-sena 2000 u tul dawn l-14-il sena t-tmexxija tas-Sistema għaddiet minn idejn il-Kunsilli Lokali għal idejn il-Kumitat Konġunti u issa f’idejn il-Kumitati Reġjonali. 

Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li l-Gvern tela’ fuq mandat li jagħmel riforma pożittiva tas-sistema u l-white paper ppreżentata llum hija pass eqreb lejn sistema aktar ġusta u trasparenti fl-interess tal-familji Maltin, Għawdxin u l-komunitajiet li jgħixu fihom. Is-Segretarju Parlamentari José Herrera ħabbar li l-proposta tal-Gvern hija li tiġi emendata l-liġi ħalli l-Kumitat Maniġerjali dwar is-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESMC) ikollu s-setgħa li jwaqqaf Unit ta’ sistema tal-Infurzar Lokali li tenforza l-liġijiet delegati lill-Kumitati Reġjonali għal-lokalitajiet kollha. Dan il-Unit għandu jkollu l-kontroll assolut tas-sistema fl-istess waqt li jikkoordina u jimplimenta l-infurzar lokali skont il-policies u l-istruzzjonijiet maħruġa mill-LESMC.

LES Management Committee 

Is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-Kumitat għandu jkollu ir-riżorsi neċessarji umani u finanzjarji ħalli jħaddem is-sistema l-ġdida  ta’ l-Infurzar lokali. Il-Kumitat Maniġerjali irid jara li dan il-Unit jaħdem b’mod indipendenti u jimxi fuq il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet għal fini ta’ infurzar tal-Ħames Kumitati Reġjonali - erbgħa f’Malta u wieħed f’Għawdex. Il-proposta tal-Gvern, li issa trid titpoġġa għad-diskussjoni, hija li l-Unit tkun amministrata minn Kap b’esperjenza fil-qasam tal-infurzar. Dan il-Kap, qal is-Segretarju Parlamentari José Herrera, għandu jħaddem is-sistema u jikkoordina ix-xogħol meħtieġ mal-Kumitat Maniġerjali dwar is-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESMC). Qed ikun propost li dan il-Unit ikollu taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-Gwardjani Lokali u support staff amministrattiv. Il-Unit, qal Herrera, għandu jservi lill-ħames Kumitat Reġjonali biex dawn ikunu jistgħu jiffokaw fuq il-veru xogħol tagħhom fl-istess ħin li jassistu lill-Kunsilli Lokali fi proġetti fil-lokalitajiet tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-bilanċ finanzjarju li jista jkun hemm mis-sistema għandu jinqasam proporzjonalment mal-Kunsilli Lokali fost il-Kumitati Reġjonali. “Il-Bilanċ għandu jitqassam skont formula li għandha tiġi stabbilità bejn il-Kumitati Reġjonali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali”, tenna s-Segretarju Parlamentari. 

Serħan il-moħħ lill-Gwardjani Lokali 

Is-Segretarju Parlamentari qal li bil-proposta li qed jagħmel il-Gvern ħadd mill-Gwardjani Lokali mhu ser jitlef l-impjieg tiegħu imma dawn iridu jibdew ikunu aktar imħarrġa. Fil-fatt huwa qal li bil-proposta l-ġdida l-Unit ser tkun f’pozizzjoni li tagħti aktar taħriġ u taħriġ ta’ kwalità lill-Gwardjani Lokali. B’din is-sistema, tenna Herrera, ser jiġu frankati ħafna spejjez. Dawn l-ispejjez ffrankati imbagħad ser jiġu investiti fis-sistema ħalli b’hekk jinqata’ ċ-ċirku vizzju li daħlet fih.

Is-Segretarju Parlamentari qal li ll-gwardjani Lokali twaqqfu biex ikunu ta’ servizz liċ-ċittadin imma flok servew liċ-ċittadin, iċ-ċittadin spiċċa jservi lis-sistema. Huwa qal li l-bidliet li saru l-ebda waħda ma indirizzat l-qofol tas-Sistema. Dan għaliex f’kull pass ta’ dawn il-bidliet dejjem kien hemm problema waħda li hija s-Sistema tqila u li tiswa ħafna flus”, tenna Herrera. “Flus li flok imorru biex itejbu l-ambjent ta’ madwarna qed imorru biex jiffinanzjaw is-sistema.”

“Għalhekk hemm bżonn ta’ bidla ... bidla li l-perm principali tagħha tkun int iċ-ċittadin flimkien mal-gwardjan lokali”, tenna Herrera. Is-Segretarju Parlamentari qal li f’din il-bidla l-Gvern ser ikun qed jisma’ lil kulħadd. 

Semma Leħnek

Fil-fatt matul il-Konferenza tal-Aħbarijiet ingħataw dettalji tal-kampanja ta’ informazzjoni li matulha l-pubbliku ser ikun qed isemma leħnu. Il-pubbliku qed ikun mistieden biex f’dan il-proċess isemma’ leħnu permezz tal-facebook u l-laqgħat ta’ Konsultazzjoni. B’kollox ser ikunu qed jiġu organizzati tlett laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku u laqgħat oħra mas-Soċjetà Ċivili, l-NGO’s u korpi kostitwiti. Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni ser ikunu qed isiru kif ġej: 

• 22 ta’ Frar, fil-Lukanda Dolmen għar-Reġjun Ċentrali u t-Tramuntana;

• 15 ta’ Marzu, fil-Lukanda Excelsior għar-Reġjun Xlokk u Nofsinhar;

• 29 ta’ Marzu, fil-Lukanda Grand Hotel għar-Reġjun t’Għawdex.

Il-laqgħa kollha ser ikunu qed jibdew fl-10.30 ta’ filgħodu. Apparti minnhekk ser jitqassam ktieb ta’ informazzjoni madwar Malta u Għawdex kollha biex jispjega aħjar dak li qed ikun propost fil-white paper. Il-Kampanja ta’ informazzjoni ser tkun tinkludi ukoll riklami fuq it-televizzjoni, radju, gazzetta u internet. 

Fatti u Figuri

Matul il-Konferenza tal-Aħbarijiet ingħataw fatti u figuri dwar is-Sistema. Jirriżulta li kemm ilha taħdem is-sistema 18 fil-mija taċ-ċittazzjonijiet baqgħu ma nġabrux. Il-bilanċ finanzjarju għall-Kunsilli Lokali u l-Kunsilli Reġjonali dejjem kien wieħed baxx. Fil-fatt ħarsa lejn il-bilanċ finanzjarju kif jitqassam jirriżulta dan li ġej:

• 10% Kunsilli Lokali;

• 16% Kumitat Reġjonali;

• 74% Kumpaniji Privati.

L-għan tar–riforma, tenna s-Segretarju Parlament, huwa li naslu għal sistema effettiva li titħaddem bl-inqas spiża possibbli. Dan filwaqt li tinbena sistema li tkun sostenibbli mhux permezz ta’ aktar ċitazzjoni biss imma permezz ta’ kontrolli u effiċjenza kemm fl-għoti ta’ ċitazzjonijiet kif ukoll fil-ħlasijiet tal-multi. Jirrizulta li bejn is-sena 2000 u s-sena 2010, il-Kunsilli Lokali ma ġabrux 15-il miljun ewro f’ċittazzjonijiet filwaqt lil bejn l-2011 u l-2013 ċ-ċitazzjonijiet li ma nġabrux laħqu l-3.5 miljun ewro. Dan ifisser, qal is-Segretarju Parlamentari, li bir-riforma kif imdaħla mis-sena 2011, proporzjonalment il-Kumitati Reġjonali naqsu li jiġbru d-doppju taċ-ċittazzjonijiet li ma ġabrux qabel l-2011. 

Is-Segretarju Parlamentari qal li r-riforma trid twassal għal servizz ta’ kwalità b’saħħtu biżżejjed sabiex is-sistema tkun waħda kredibbli u sostenibbli. Dan filwaqt li għandha tingħata direzzjoni sabiex is-sistema ma tħarisx biss lejn il- kontroll tat-traffiku imma tħares ukoll lejn l-ambjent u postijiet ambjentali.


Użu aħjar tar-riżorsi

“Jekk nieħdu deċiżjonijiet għaqlin jitsa’ jkollna riżultati finanzjarji tajbin. Għalkemm ir-riforma trid tagħti direzzjoni ġdida fl-infurzar lokali, irid ikun hemm ukoll tnaqqis sostanzjali tal-ispiża”, tenna Herrera. Is-Segretarju Parlamentari qal li “huwa stmat li bis-sistema l-ġdida jistgħu jiġu iffrankati sa kwazi 20 fil-mija ekwivalenti għal bejn miljun u miljun u mitejn elf ewro fis-sena”. Dawn il-flus li ser jiġu frankati”, tenna Herrera,  “jistgħu jintużaw aħjar sabiex iħargu u jimpjegaw lill-gwardjani lokali. Fl-istess hin li jsaħħu l-infurzar speċjalment fuq l-indafa u l-abbużi relatati ma l-iskart.”

Preżenti għall-Konferenza tal-Aħbarijiet kien hemm is-Segretarju Permanenti is-sur John Borg, il-Konsulent tas-Segretarju Parlamentari fuq il-Kunsilli Lokali is-Sur Michael Cohen, is-Segretarju Privat tas-Segretarju Parlamentari Charlon Gouder u ċ-Ċermen tal-Kumitat Maniġerjali tas-Sistema tal-Infurzar Lokali Piu Camilleri. Preżenti għal din il-Konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Aguis, l-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Presidenti Reġjonali, Sindki u rappreżentanti tal-Gwardjani Lokali. 

Għall-aktar informazzjoni żur is-sit eletroniku : www.riformagwardjanilokali.com


White Paper:pr140180a.pdfpr140180a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow