STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU TAL-INTERN U S-SIGURTA’ NAZZJONALI U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ
Għall-ewwel darba mnedija korsijiet akkreditati ta’ taħriġ mill-Kummisjoni tal-Films b’valur ta’ nofs miljun ewro
Għall-ewwel darba f’pajjiżna , qed jiġu offruti korsijiet akkreditati ta’ taħriġ fl-industrija tal-films b’valur ta’ nofs miljun ewro. Dsatax –il kors differenti qed jiġu offruti lil dawk interessati , mingħajr ebda ħlas.
Dawn il-korsijiet kienu mnedija f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru responsabbli mill-Industrija tal-Films, Manuel Mallia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea, Ian Borg.
Fil-konferenza, l-Ministru Manuel Mallia qal li nħass il-bżonn li jkun hawn workforce imħarrġa biex il-produtturi tal-films ikunu aktar imħajjra jiġu f’pajjiżna.
Dan il-gvern impenjat biex jerġa’ jagħti nifs lil din l-industrija li f’dawn l-aħħar snin kienet abbandunata. Il-Gvern qed jara din l-industrija , bħala għodda ohra biex isir tkabbir ekonomiku. Dan, għax meta jiġi film f’pajjiżna, jaħdmu firxa ta’ persuni differenti minn oqsma differenti, li jinkludu dawk li jkunu relatati direttament mal-film kif ukoll dawk li joffru s-servizzi bħal taxis, ristoranti u lukandi.
Għalhekk, qal il-Ministru Mallia, inħass il-bżonn li jsir investiment fit-taħriġ. Aħna mhux ser noqogħdu nistennew li jiġi x-xogħol f’pajjiżna, iżda se mmoru aħna nfittxu x-xogħol fi swieq differenti.Il-Ministru Manuel Mallia ħabbar li l-Kummisarju tal-films, Engelbert Grech, f’Marzu li ġej sejjer iċ-Ċina għal dan il-għan. Il-Ministru Mallia qal li rridu ikunu ppreparati biex ninvestu anke f’soundstage adekwata.
Manuel Mallia ħabbar ukoll li bħalissa ghaddejjin taħditiet mal-Ministeru tal-Finanzi biex pajjiżna joffri inċentiv fiskali aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg qal li għall-ewwel darba f’għaxar snin il-Malta Film Commission qed tibbenefika minn madwar €500,000 mill-Fond Soċjali Ewropew sabiex twettaq proġett li ħa jkun qiegħed jagħti taħriġ speċjalizzat lil 100 individwu fis-settur tal-films.
Dr. Borg tenna li l-industrija tal-films Maltija fiż-żmien li ġej għandha tħares lejn sorsi oħra ta’ finanzjament Ewropew apparti l-Fondi Strutturali. Huwa rrefera għal fond ċentrallizzat Creative Europe li għas-seba’ snin li ġejjin għandu budget ta’ madwar €1.5 biljun. L-għan ta’ dan il-fond ċentralizzat huwa li matul is-snin li ġejjin jagħti l-għajnuna neċessarja lil intrapriżi f’dan is-settur sabiex madwar l-Ewropa jippromwovu id-diversita’ u l-kreattivita’ fil-qasam tal-kultura.
Is-Segretarju Parlamentari wera x-xewqa li fil-futur qarib aktar intrapriżi Maltin f’dan il-qasam jersqu ‘l quddiem sabiex jibbenefikaw mis-sejħiet li bħalissa huma miftuħa taħt dan il-programm. Dawn is-sejħiet jistgħu jiffinanzjaw diversi proġetti fost l-oħrajn żvilupp ta’ logħob diġitali, taħriġ, produzzjoni ta’ films u programmi televiżivi, kif ukoll festivals li jippromwovu films Ewropej.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en