Tnedija tal-Malta Arts Scholarships
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed iniedi l-iskema ta’ boroż ta’ studju għal min jixtieq jispeċjalizza fil-qasam tal-arti u tal-performing arts. L-iskema hi ffinanzjata minn fondi pubbliċi Maltin.
L-għan ta’ din l-iskema hi li tagħti opportunità lill-Maltin u Għawdxin kollha li diġa bdew juru ħiliet f’dawn l-oqsma sabiex ikunu jistgħu jkomplu jispeċjalizzaw barra minn Malta f’xi waħda mill-istituzzjonijiet ewlenin. Il-kors li wieħed jista’ japplika għalih irid ikun fuq bażi full time, ma jistax ikun iqsar minn 8 xhur u mhux itwal minn 4 snin. Din hi opportunità unika li qed joffri l-Gvern Malti. Minn din l-iskema, diġa bbenifikaw 43 persuna li speċjalizzaw fil-qasam tal-arti, ballet, żfin kontemporanju, disinn tal-logħob fuq il-kompjuter, mużika kontemporanja; animazzjoni permezz tal-kompjuter; kitba kreattiva; danza; disinn tal-ħwejjeġ u moda; flamenco; daqq bil-flawt u l-vjolin; teatru mużikali; fotografija; restawr u kant tal-opri.
Biex wieħed jikkwalifika għal dawn il-boroż ta’ studju wieħed għandu bżonn jagħti prova li diġa għandu ħila artistika u qed jiġi aċċettat minn istituzzjoni rikonoxxuta li tkun topera barra minn Malta. Aktar dettalji jinsabu fir-Regolamenti li jinsabu fuq is-sit elettroniku www.myscholarship.gov.mt.
Il-Ministeru ħatar Bord ta’ Għażla ndipendenti sabiex jevalwa l-applikazzjonijiet li jridu jidħlu sal-Ġimgħa 28 ta’ Frar, 2014 f’nofsinhar. L-applikazzjonijiet iridu jaslu l-Customer Care, Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Triq l-Assedju l-Kbir, Floriana. Applikazzjonijiet li jintbaghtu bil-posta, iridu jkunu b’posta reġistrata u wieħed għandu jara li jaslu sal-ħin. L-iskema hi kompetittiva ħafna. Mal-applikazzjoni, kull-applikant qed jiġi mitlub jippreżenta portafoll li jinkludi mill-anqas l-aħjar tlett xogħlijiet jew rappreżentazzjonijiet tal-applikant. Kull applikant ser jiġi msejjaħ għall-intervista, li parti minnha tista’ tinkludi wkoll performance.
Kull min ikollu xi diffikultà jista’ jċempel fuq in-numru 2598 2816 jew 2598 2111 jew jibgħat email fuq artsscholarships@gov.mt. L-iskema hi amministrata mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en