Left arrow Go Back

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Maroš Šefčovič, jipparteċipa fi djalogu pubbliku organizzat mill-MEUSAC

pr140171mt
Date Icon 31/01/2014

‘Back to the F(EU)ture – Lessons from Europe’s past to help make a better future’, kienet it-tema ta’ djalogu pubbliku organizzat mill-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) u mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej. Il-kelliem prinċipali fid-djalogu kien il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Maroš Šefčovič, li huwa responsabbli mir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni.

Fl-introduzzjoni għal dan id-dibattitu, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, qal li bid-dikjarazzjoni ta’ Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950, l-Ewropa ħalliet warajha sekli ta’ konflitti  biex toħloq unjoni li ġġib popli u stati eqreb lejn xulxin. Huwa qal li t-trattati kollha li segwew din id-dikjarazzjoni kellhom l-għan li jkomplu jikkonsolidaw il-proġett komuni Ewropew f’Unjoni Ewropea (UE) li tippromwovi l-paċi, li tassigura progress soċjali u ekonomiku, u li tibdel l-Ewropa f’kontinent fejn iċ-ċittadini jgawdu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dott. Xuereb qal li llum l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja diversi sfidi, iżda hemm sinjali li juru li bdejna noħorġu mill-kriżi, u dan fl-isfond ta’ miżuri li qed jittieħdu biex ma jiġux ripetuti l-iżbalji tal-passat. 

Il-Kap tal-MEUSAC semma wkoll kif kultant iċ-ċittadini jħossuhom distakkati mill-UE, u enfasizza li wieħed mir-rwoli prinċipali tal-MEUSAC hu li jservi ta’ pont bejn l-UE u ċ-ċittadini, u li jistimula d-dibattitu dwar l-UE fuq livell nazzjonali.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli tkellmet dwar il-fiduċja li ċ-ċittadini Ewropej poġġew fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.


Hi rreferiet għal stħarriġ tal-Ewrobarometru li jgħid li l-fiduċja tal-popli fl-Unjoni Ewropea huwa relattivament ogħla minn dak fl-istituzzjonijiet politiċi nazzjonali.  Madankollu, hemm kwistjonijiet li għad iridu jiġu indirizzati, bħall-burokrazija, t-trasparenza, l-flessibbilta` u l-leġittimita` demokratika.  Dalli qalet li fil-fatt id-dibattitu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea huwa proċess kontinwu.


Il-Ministru Dalli qalet li m’għandniex inħarsu b'mod negattiv lejn it-tibdiliet li jistgħu iseħħu fil-futur fit-trattati Ewropej, iżda bħal ma’ qal il-Prim Ministru meta ltaqa’ mal-membri tal-Core Group tal-MEUSAC f'Diċembru li għadda, il-bidla hija proċess li tista' tiftaħ opportunitajiet ġodda għal pajjiżna .


Dalli qalet li l-isfida ta’ min ifassal il-politika Ewropea u dik nazzjonali hija li l-istituzzjonijiet Ewropej isiru aktar rilevanti għan-nofs biljun residenti tal-UE .


Il-Ministru qalet li dan huwa preċiżament wieħed mill-għanijiet tal-MEUSAC.  Il-MEUSAC huwa responsabbli għall-informazzjoni u l-involviment tal-pubbliku fid-diskussjoni dwar l-opportunitajiet, il-benefiċċji u l-obbligi li ġġib magħha ċ-ċittadinanza tal-UE.  Hija qalet li l-MEUSAC għandu rwol importanti sabiex inaqqsu d-distakk bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha f'Malta .


Minkejja dan, Dott. Dalli esprimiet id-diżappunt tagħha għad-deċiżjoni meħuda s-sena li għaddiet mill-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf programm ta' finanzjament li kien ta’ suċċess kbir (magħruf bħala ‘Management Partnership’) fejn il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew kienu qed jaħdmu flimkien fuq pjan ta' komunikazzjoni konġunt fi sforz biex l-UE tinftiehem aħjar miċ-ċittadini.  Għalkemm ħafna Stati Membri kienu kontra din id-deċiżjoni, l-Kummissjoni xorta baqgħet għaddejja biha.

Fl-indirizz tiegħu, Maroš Šefčovič qal li l-futur tal-UE jiddependi minn kemm aħna kapaċi nitgħallmu mill-passat.  Huwa qal li, “is-snin ta’ wara ż-żewġ gwerer dinjin għallmuna li l-futur huwa madwar il-mejda tan-negozjati u mhux fil-kamp tal-battalja”.

Qal ukoll li filwaqt li jifhem li fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika huwa diffiċli tara l-lat pożittiv tal-UE, huwa konvint li l-UE hija l-aktar organizzazzjoni kunsenswali u demokratika għax hija mibnija fuq id-djalogu, il-kompromess u l-kunsens.

Filwaqt li qal li l-UE qiegħda toqgħod attenta biex fil-leġiżlazzjoni tagħha żżomm bilanċ bejn il-pajjiżi l-kbar u dawk żgħar għax ma temminx fis-sistema ta’ one–size-fits-all, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea qal li jara lok għal titjib fil-kunċett tas-Suq Waħdieni. Huwa qal li dan is-suq wassal biex in-negozju bejn il-pajjiżi Ewropej trippla bejn l-1992 u l-2011, u kompla li  ħamsa mill-għaxar pajjiżi l-aktar kompetittivi fid-dinja huma Membri tal-UE.

Maroš Šefčovič tkellem dwar l-importanza tal-ftehim ta’ kummerċ u investiment transatlantiku mal-Istati Uniti u qal li dan se jqarreb lejn xulxin l-akbar żewġ ekonomiji tad-dinja.

Maroš Šefčovič aċċenna għall-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u qal li qabel ma nkunu nistgħu nitkellmu fuq tkabbir ekonomiku trid tiġi indirizzata din il-problema . Huwa kompla li l-UE qed taħdem biex tippromwovi l-kunċett ta’ mobilità bi proġetti bħall-EURES li huwa l-portal Ewropew tal-mobiità fis-suq tax-xogħol.

Il-Viċi-President Šefčovič attribwixxa x-xettiċiżmu lejn il-proġett Ewropew lejn dak li ddeskriva bħala, ‘il-Brussellizzazzjoni tal-fallimenti u n-nazzjonalizzazzjoni tas-suċċessi’.  Huwa qal li f’dan ir-rigward l-UE għandha tispjega aħjar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijet liċ-ċittadini, u semma l-importanza li l-istudenti jiġu mgħallma dwar l-Ewropa minn meta jkunu żgħar.

Fil-konklużjoni tiegħu, Maroš Šefčovič qal li l-kriżi ekonomika mmotivat lill-Istati Membri biex jikkoperaw aktar u issa, “għandna il-bażi biex noħorġu mill-kriżi u nikkonsolidaw il-futur tagħna”.

Wara dan id-diskors kien hemm numru ta’ interventi mill-parteċipanti li qajmu diversi punti, fosthom: l-ambjent interistituzzjonali u l-isfidi li għandu quddiemu; l-importanza li ż-żgħażagħ jitpoġġew fiċ-ċentru tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-politika tal-UE; in-numru ta’ Maltin li qed jaħdmu f’istituzzjonijiet Ewropej; u l-prinċipju tas-solidarjetà f’setturi bħall-immigrazzjoni irregolari.

Id-dibattitu għalaq b’intervent mill-Ambaxxatur Marlene Bonnici, Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta fl-UE, li faħħret lill-MEUSAC għax-xogħol li jagħmel biex iġib l-UE eqreb lejn iċ-ċittadini, u għall progress li sar fil-kwalità tal-proġetti kofinanzjati mill-UE u r-rata għolja ta’ suċċess fl-aċċessibilità għall-fondi, grazzi għall-assistenza offruta mill-MEUSAC lill-għaqdiet mhux governattivi u lill-kunsilli lokali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow