REKORD ASSOLUT TA’ 1.6 MILJUN TURIST F’PAJJIŻNA FL-2013
Żieda ta’ 9.3% fl-ammont ta’ turisti matul l-2013 li bejniethom qattgħu kważi 12.9 miljun lejl u nefqu €1.4 biljun
Il-Ministeru għat-Turiżmu jinnota b’sodisfazzjon u b’mod mill-aktar pożittiv ir-riżultati li ħareġ aktar kmieni llum l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-andament turistiku f’pajjiżna kemm matul ix-xahar ta’ Diċembru kif ukoll b’mod globali tul is-sena 2013.
Jirriżulta li meta wieħed jeskludi l-ammont minimu ta’ 325 turist li qattgħu lejl wieħed biss fuq cruise liner, ix-xahar ta’ Diċembru esperjenza żieda ta’ 6.5% fl-ammont ta’ turisti li waslu Malta meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Kienet reġistrata wkoll żieda ta’ 6.8% fit-total ta’ ljieli li t-turisti għaddew f’pajjiżna.
L-istess statistika tikkonferma wkoll kif is-sena 2013 kienet waħda ta’ rekord assolut għall-qasam tat-turiżmu f’pajjiżna bil-wasla ta’ 1.6 miljun turist fuq medda ta’ tnax-il xahar, żieda ta’ 9.3% fuq l-2012, liema ċifra tinkludi anke dawk li qattgħu lejl wieħed f’pajjiżna fuq cruise liner. Ma’ dawn il-figuri wieħed jinnota wkoll kif pajjiżna rreġistra żieda ta’ 8.7% kemm fit-total ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’Malta u li laħqu kważi 12.9 miljun lejl kif ukoll żieda sostanzjali ta’ 8.6% fl-ammont ta’ flus li t-turisti nefqu f’pajjiżna meta mqabbel mal-2012, liema spiża tammonta għal €1.4 biljun.
Dawn ir-riżultati qed jaslu jumejn biss wara ċifri oħra pożittivi li ppubblika uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea l-Eurostat dwar l-andament turistiku ta’ pajjiżna matul l-2013. F’dan ir-rigward Malta ġiet fit-tieni post f’dak li tirrigwarda żieda fl-iljieli li t-turisti għaddew f’Malta minn fost il-pajjiż kollha tal-Unjoni Ewropea, u dan meta mqabbel mal-medja Ewropea ta’ 1.6% li kisbu bejniethom il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fuq l-2012.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, il-Ministeru għat-Turiżmu jirringrazzja lil dawk kollha involuti f’din l-industrija f’pajjiżna għall-impenn sħiħ tagħhom matul l-2013, fl-istess ħin li jappellalhom biex ikomplu jaħdmu flimkien bħalma sar sa issa, f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, biex l-2014 terġa’ tkun sena oħra ta’ riżultati pożittivi li tkompli tkabbar il-qasam turistiku.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en