SINJALI EKONOMIĊI LI JURU KIF MALTA QED TIMXI ‘L QUDDIEM
F’Diċembru 2013 Malta kellha r-raba l-anqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea kollha. Filwaqt li l-qgħad fiż-żona ewro laħaq it-12%, pajjiżna kellu rata ta’ 6.7%. Dan huwa tijieb mill-ħames post li kienet fih Malta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti.
L-istatistika maħruġa mill-Eurostat turi wkoll li r-rata tal-qgħad f’Malta baqgħet stabbli minn Ottubru ‘l hawn u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħazagħ hija l-ħames l-anqas fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ukoll figuri fuq il-fiduċja tal-ażjendi u l-konsumaturi dwar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna. L-indiċi f’Jannar 2014 kompla tiela għal 112. Meta ġiet eletta din l-amministrazzjoni, l-valur tal-indiċi kien 101. Dan it-titjib ta’ 11% seħħ fis-setturi kollha, speċjalment fl-industrija tas-servizzi li qed tbassar żieda akbar fl-impjiegi fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.
Dan ir-rapport jindika li s-settur tal-manifattura f’Malta bħalissa għandu livell għoli ħafna ta’ ordnijiet tant li rraporta li għandu ordnijiet għal kważi seba xhur u nofs, kważi d-doppju tal-medja fil-pajjizi taz-zona Ewro. Il-figuri tal-Kummisjoni Ewropeja juru li l-konsumaturi Maltin qed jistennew li s-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż tkompli titjieb, u li dan se jirriżulta f’sitwazzjoni finanzjarja aħjar għalihom.
Ċifri maħruġa ġimgħatejn ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li, bejn Jannar u Novembru 2013, is-safar barra minn Malta żdied b’9.4%, jew 28,000 vjaġġ aktar mill-istess żmien is-sena ta’ qabel. L-2013 kienet ukoll sena rekord għat-turiżmu lejn Malta, b'żieda ta' 9.6% fin-numru ta' turisti u b'żieda fid-dħul ta' kważi 114 miljun ewro.
Fl-istess ħin, statistika maħruġa mill-Bank Ċentrali tindika li f'Novembru 2013, il-familji Maltin kellhom €8.2 biljun f'depositi ma' banek Maltin. Din tfisser żieda ta' aktar minn €600 miljun mis-sena ta' qabel, jew 8%.
Dawn ir-riżultati pożittivi f’oqsma differenti juru li l-politika ta’ dan il-Gvern qed tiġġenera l-ġid li jitgawda minn kulħadd. Permezz tat-tkattir ta’ klima li toffri serħan il-moħħ u li tistimula l-ekonomija, pajjiżna qed jikber u jissaħħaħ b’mod reali u sostenibbli. Il-familji u n-negozji għandhom iktar fiduċja biex jimxu ‘l quddiem u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom biex Malta tiżboq il-potenzjal tagħha li tkun minn ta’ quddiem nett, fejn jixirqilna.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en