Left arrow Go Back

IL-PJAN GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART FIL-GŻEJJER MALTIN: “NINSABU DETERMINATI LI NARAWH JIRNEXXI BIS-SEHEM TA’ KULĦADD” – IL-MINISTRU LEO BRINCAT

pr140165
Date Icon 31/01/2014

Il-mod estensiv li bih l-istakeholders lokali wieġbu għall-proċess ta’ konsultazzjoni fit-tħejjija tal-Pjan u l-Istrateġija għall-Immaniġġjar tal-iskart, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf Stakeholders Group biex dawn jibqgħu jagħtu s-sehem tagħhom fit-twettiq tal-istess pjan jikkonfermaw ħaġa waħda, li ninsabu impenjati u determinati li nirnexxu bis-sehem ta’ kulħadd.

Qal dan il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat waqt it-tnehdija tad-dokument finali Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart għas-snin 2014 – 2020.

Il-Ministru Brincat spjega kif il-proċess ta’ konsultazzjoni tqassam f’żewġ partijiet fuq medda ta’ sittax-il ġimgħa fejn ġew miflija l-proposti u r-reazzjonijiet ta’ kulħadd, minn korpi kostitwiti sa Partiti Politiċi.

Qal li biex il-Pjan jirnexxi l-Gvern ser iniedi program edukattiv u ta’ komunikazzjoni min-nies esperti fil-qasam li ser ikun wieħed intensiv. Ħabbar li kien hemm rispons tajjeb għas-sejħiet ta’ espressjoni ta’ interess li l-Gvern ħareġ f’dan ir-rigward.

Il-Ministru Leo Brincat qal li l-monitoraġġ fit-tħaddim tal-Pjan ser ikun wieħed intensiv u fil-Ministeru ser jinħatru Waste Plan Implementation Manager u Waste Management Plan Moderator, b’dan tal-aħħar ser ikun qiegħed jifli abbużi u nuqqasijiet li jiġu rrappurtati fit-tħaddim tal-Pjan.

Huwa spjega li l-mira ewlenija tal-Gvern hija li s-separazzjoni tal-iskart issir fil-mument li dan joriġina. Kemm jekk dan ikun ġej minn residenzi kif ukoll minn stabbilimenti kummerċjali.

Għalkemm ħsibna f’ħafna riformi fosthom għall-ġbir tal-iskart, ninsabu impenjati li fejn hemm bżonn ċertu tibdil radikali dan nagħmluh fuq bażi ta’ proġetti pilota, minflok immorru għall-miżuri immedjati li jistgħu joħolqu problemi jekk jiddaħħlu f’daqqa, qal il-Ministru Brincat.

Kompla billi qal li l-Gvern m’għandu ebda ħsieb li jdaħħal taxxi ġodda fuq l-iskart għall-familji Maltin u Għawdxin, dan fl-istess waqt li kulħadd ser ikun mistenni jġorr ir-responsabilita’ mixtieqa. Dan anke’ biex ikollna kwalita’ ta’ ħajja aħjar u biex inħarsu s-saħħa ambjentali.

Spjega li l-istudji għar-reviżjoni tal-eko-kontribuzzjoni li qed jitmexxew mill-Ministeru tal-Finanzi jinsabu għaddejjin ġmielhom. Dan għandu mhux biss joffri komfort lis-settur kummerċjali u lill-konsumatur, iżda wkoll għandu jiffaċilita’ il-proċess biex wara kważi għaxar snin fl-Unjoni Ewropea pajjżna jiġi konformi mar-regoli għall-iskart elettroniku, l-WEEE.

Dwar l-impjant ta’ Sant Antnin il-Ministru Brincat qal li l-ħsieb huwa li tittejjeb il-kwalita’ tal-iskart li jasal fl-impjant mingħajr il-ħtieġa li dan l-impjant jitkabbar.

Fil-Pjan qed tingħata importanza kbira lill-iskart iġġenerat mill-ħela tal-ikel (food waste). Skart li ħafna minnu jista’ faċilment jiġi evitat jew imnaqqas. Il-Ministru qal li għaqal f’dan il-qasam jista’ biss jissarraf f’anqas skart u aktar flus fi bwiet il-familji.

Il-Ministru Leo Brincat qal li b’kuntrarju għal dak li seta’ ġara fl-imgħoddi l-Gvern ser ikun miftuħ għall-aħjar teknoloġiji disponibbli fil-qasam tal-iskart f’kull deċiżjoni jew offerti li jistgħu jsiru, bil-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn nispiċċaw b’teknoloġiji li ma jkunux aktar adattati għal pajjiżna jew għas-suq tagħna.

Il-mira tal-Gvern qal il-Ministru Brincat hi li pajjiżna jnaqqas b’kemm jista’ ikun l-użu tal-landfills. Għalkemm ser isir eżerċizzju biex jiġu identifikati siti ġodda għall-engineered landfill, fl-istess ħin qed isir ukoll studju dwar jekk tistax tiġi estiża l-ħajja tal-engineered landfill tal-Għallis f’mod strettament konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Leo Brincat qal li l-miri tal-Gvern f’dan il-Pjan huma ċari - anqas skart, anqas użu ta’ landfills, użu tal-iskart bħala riżorsa, aktar riċiklar tal-iskart u użu mill-ġdid tal-iskart. Qal ukoll li l-Gvern ser jisħaq li jara li l-informazzjoni dwar l-iskart tinġabar aktar fil-ħin u tkun korretta.

Iċ-ċavetta biex dan kollu jseħħ huwa li kulħadd ikun lest li jbiddel ċerti drawwiet fejn jidħol skart, anke għaliex jekk ma jsirx hekk nispiċċaw inġorru prezz ekonomiku, soċjali u ambjentali li bi sforz konġunt faċilment jista’ jiġi evitat.

Il-Ministru Brincat qal li għalkemm dan huwa pjan li għandu jwassal lill-pajjiżna sas-sena 2020 ser jiġi rivedut kull tliet snin.

Minkejja li l-Gvern kellu perjodu limitat ħafna biex iħejji dan id-dokument irnexxielu bl-għajnuna u bl-appoġġ ta’ dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom, iħejji dokument innovattiv u b’sens ta’ viżjoni li jiġbor fih pjan dwar l-immaniġġjar tal-iskart, strateġija nazzjonali kif ukoll pjan separat intiż biex inaqqas l-iskart f’pajjiżna, tikber kemm tikber l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Għalkemm dan illum huwa dokument tal-Gvern approvat mill-Kabinett, ħajr speċjali għandu jmur għat-tim tekniku li ħejja dan il-Pjan b’tant għaqal u paċenzja.

Il-Ministru irringrazzja wkoll lil dawk il-Ministeri u entitajiet li mhux biss offrew l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom iżda ukoll li ser ikunu strumentali biex il-Pjan jaħdem u jitħaddem kif suppost. Dan b’mod partikulari fejn jidħol l-irwol tal-Kunsilli Lokali u dak tas-settur kummerċjali.

Il-fatt li ħafna stakeholders diġa’ urew l-apprezzament tagħhom wara li ħafna mis-suġġerimenti li għamlu ġew inklużi fil-qafas tal-pjan u l-istrateġija, dan għandu jqawwilna qalbna aktar li ser insibuhom spalla ma’ spalla magħna bħala sħab strateġiċi fit-twettieq u t-tħaddim tal-pjan, qal il-Ministru Brincat.  Spjega kif fl-aħħar siegħat il-Gvern iltaqa’ mal-istakeholders li taw il-kontribut tagħhom u ngħataw tagħrif dwar il-linja ġenerali tal-Pjan.

Il-Ministru Leo Brincat qal li fuq inizjattiva tal-Gvern u fil-mument maqbul bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti l-pjan u l-istrateġija se jiġu ukoll diskussa fil-Parlament.

pr140165a.pdfpr140165a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow