IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U TKABBIR EKONOMIKU EDWARD ZAMMIT LEWIS JINAWGURA D-DATA CENTRE IL-ĠDID TAL-KUMPANIJA BMIT LTD B’INVESTIMENT TA’ € 1,000,000
‘L-investiment tal-BMIT Ltd huwa ċertifikat per eċċellenza tal-fiduċja li hawn fil-politika tal-Gvern fis-settur tal-informatika’
L-akbar kumpanija li tipprovdi servizzi relatati ma’ data centre f’Malta, l-BMIT Ltd għamlet investiment dirett ta’ miljun Ewro. Din sabiex tipprovdi co-location addizzjonali u faċilitajiet ta’ hosting kif ukoll biex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-provditur ewlieni ta’ data centre u cloud services. Dan id-data centre l-ġdid ġie inawgurat mis-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis, fil-preżenza taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Logħob u Lotteriji Joseph Cuschieri.
Dan iċ-ċentru se jipprovdi l-infrastruttura essenzjali lill-kumpaniji lokali u anke dawk internazzjonali. Matul dawn l-aħħar snin BMIT Ltd stabilixxiet ruħha bħala waħda mil-provdituri ewlenin ta’ co-location, hosting u manged services għall-kumpaniji fl-Ewropa. Din il-kumpanija toffri servizzi għal firxa ta’ bosta klijenti inklużi dawk tal-logħob online, servizzi finanzjarji, servizzi legali, tal-ICT u f’negozji differenti fost oħrajn. F’Malta din il-kumpanija topera minn żewġ siti ta’ data centre differenti, mgħammra b’kull teknoloġija għal servizz kontinwu kemm bħala enerġija kif ukoll komunikazzjoni kkumplimentata bl-ogħla livell ta’ operazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis laqa’ dan l-investiment u qal li f’dan is-settur tal-informtika il-BMIT Ltd kisbet fama tajba ħafna u kumpaniji kemm lokali kif ukoll internazzjonali jqisu din il-kumpanija li hija affidabbli, provider sigur għad-data centre, cloud u servizzi oħrajn. Is-Segretarju Parlamentari żied li dan it-tip ta’ investiment huwa konformi mal-viżjoni tal-Gvern u l-aġenda diġitali tiegħu. "Kumpaniji bħall-BMIT Ltd huma eżempju ċar ta’ investiment li l-Gvern qed jattira. L-investiment ta’ BMIT ġie fl-istess perjodu meta tliet kumpaniji oħra tal-gaming investew f’Malta u matul iż-żmien li l-Gvern qed jaġġorna r-regolamenti tal-logħob” qal Dr. Edward Zammit Lewis.
Is-Segretarju Parlamentari żvela wkoll li fil-jiem li ġejjin pajjiżna ser jesperjenza t-tnedija riveduta tal-Istrateġija Nazzjonali Ekonomika Diġitali. Dan huwa l-impenn ta’ Gvern ġdid li qiegħed kontinwament jimmira għal din l-industrija sabiex tkompli toħloq tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà għal Malta. Din l-istrateġija se tkun qed twassalna biex inkunu fost l-aqwa fl-Ewropa li għandha twassalna sal-2018 biex insaħħu t-teknoloġija tal-informatika bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Zammit Lewis sostna li bħal kumpanija BMIT Ltd se nkomplu naħdmu biex nissieħbu f’aktar alleanzi strateġiċi ma’ kumpaniji reputabbli fis-settur diġitali bil-għan li noħolqu sinerġiji u benefiċċji reali għaċ-ċittadini u negozji Maltin u Għawdxin. Se titħejja roadmap għal futur tal-eGovernment u kif dan jista’ jgħin fit-tnaqqis tal-burokrazija u fis-simplifikazzjoni tal-proċessi. Dan jinkludi investiment fl-infrastruttura tal-eGovernment biex tiġi mħejjija għal mobile government sabiex is-sistemi tal-Gvern ikunu aktar aċċessibli. Bħalissa qieghdin fil-proċess biex inkomplu neżaminaw il-potenzjal ta’ open-source software u cloud computing għall-użu governattiv, biex nsaħħu l-infrastruttura tal-Gvern, niffrankaw il-flus u l-potenzjal ta’ espansjoni tas-sistemi tagħna.
Peress li l-industrija tal-ICT qiegħda dejjem tevolvi kemm fejn tidħol t-teknoloġija użata u kif ukoll l-metodoloġiji applikati, fil-ġranet li ġejjin se nkun qed iniedu l-E-Skills Alliance b’format iktar modern u dinamiku kif inhu xieraq. B’hekk se nkunu qedgħin nagħtu struttura ġdida lil E-Skills Alliance biex l-istuzzjonijiet akkademiċi u vokazzjonali kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk privati jkunu jistgħu jidentifikaw aħjar l-bżonnijijiet tal-industrija.
Dr. Edward Zammit Lewis temm jgħid li dan il-Gvern se jkompli bir-rittmu li beda, fejn kontinwament qed inffittxu niċeċ ġodda li nistgħu nespandu fihom. Il-privat u l-istakeholders interessati se jkomplu jiġu involuti biex jittieħdu inizjattivi favur il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en