Left arrow Mur Lura

TAĦDIDIET BEJN IL-GVERN MALTI U L-KUMMISSJONI EWROPEA: IL-KWISTJONI DWAR ĊITTADINANZA B’INVESTIMENT HIJA MAGĦLUQA

pr140154
Date Icon 30/01/2014

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič qalu li wara t-taħdidiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Malti, il-kwistjoni ta’ Ċittadinanza b’Investiment issa hija magħluqa għall-Kummissjoni Ewropea.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea jinsab f’Malta fuq żjara uffiċjali ta’ jumejn.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum waranofsinhar, il-Prim Ministru Joseph Muscat u Maroš Šefčovič tkellmu dwar ir-relazzjonijiet eċċellenti li Malta tgawdi mal-Kummissjoni Ewropea. Mistoqsi dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u Malta, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea fissirhom bħala “eċċellenti”.
Maroš Šefčovič qal li wara t-taħdidiet bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, il-kwistjoni issa hija “magħluqa”.

Dwar il-programm taċ-ċittadinanza, il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lil Maroš Šefčovič u qal li d-diskussjonijiet li saru fi Brussell dwar l-iskema taċ-ċittadinanza ġew solvuti f’temp ta’ ftit ħin u li t-taħditiet lanqas biss daħlu fi stadji preliminari. “Dan għandu jibgħat messaġġ ċar,” qal il-Prim Ministru, u saħaq li kwistjonijiet ta’ residenza huma kompetenza tal-Istati Membri.

F’dan ir-rigward il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič wera l-apprezzament tiegħu dwar kif il-kwistjoni ġiet solvuta fil-pront u faħħar il-fiduċja li ntweriet bejn iż-żewġ partijiet. Huwa qal li ma kienx hemm pajjiżi li qajmu lmenti mal-Unjoni Ewropea dwar l-iskema u li Malta għandha relazzjoni tajba ħafna mal-Kummissjoni Ewropea. “Dan juri kemm ir-rappreżentanti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea qed jagħmlu xogħol tajjeb,” qal il-Viċi President.

Rigward l-immigrazzjoni illegali l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič qal li minkejja l-għajnuna li Malta qed tingħata, din għandha tibqa’ fil-quċċata tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea.
Maroš Šefčovič tkellem ukoll dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u qal li l-Ewropej iridu jifhmu kemm huwa importanti li jieħdu sehem f’dan l-eżerċizzju demokratiku, li permezz tiegħu jassiguraw il-preżenza tagħhom fil-Parlament Ewropew.

Indirizza l-konferenza wkoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech li tkellem dwar it-taħdidiet pożittivi li hu u l-Prim Ministru kien għadu kif kellhom mal-Viċi President Šefčovič. Qal li matul it-taħdidiet kienu trattati temi ta’ interess komuni bħall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u t-tip ta’ relazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-istati membri u l-Kummissjoni. Ġew trattati wkoll temi li għandhom importanza speċjali għal pajjiżna fosthom l-immigrazzjoni irregolari u t-tassazzjoni. Dwar l-immigrazzjoni ż-żewġ naħat iddiskutew it-timeframes ta’ azzjoni maqbula fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta’ Diċembru filwaqt li dwar it-tassazzjoni l-Gvern kompla jinsisti dwar l-importanza li din tibqa’ kompetenza nazzjonali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow