STQARRIJA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici juri d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-Oppożizzjoni qed tipprova ddawwar il-każ tal-impeachment tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco f'ballun politiku.
Dr Bonnici sostna li l-Gvern ilu ħafna jgħid li l-liġijiet eżistenti, magħmulin minn amministrazzjonijiet preċedenti, li jirregolaw il-proċedura u l-operat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, għandhom jinbidlu.
Peress li biex il-bidliet ikunu effettivi wieħed jirrikjedi ż-żewġ terzi fil-Kamra, l-Gvern u l-Oppożizzjoni ilhom mill-bidu tas-sena f'taħditiet bil-għan li jaslu għal ftehim. It-taħditiet s'issa huma pożittivi.
Sakemm isiru dawn il-bidliet, li kif ilu jingħad huma urġenti, wieħed irid jobdi l-liġijiet parlamentari li hemm illum kif, fl-aħħar mill-aħħar, jiġu interpretati mhux mill-Gvern imma mill-Ispeaker kif mgħejjun minn esperti Kostituzzjonali indipendenti bħall-Professur Ian Refalo.
Huwa ovvju li jekk wieħed ma jobdix ir-regoli tal-lum, anke jekk huma infeliċi, ikun qed jesponi lill-Parlament għall-potenzjal ta' sejbien ta' ksur ta' drittijiet fundamentali fil-futur possibbilment anke f'fori Ewropej b'konsegwenzi serji fuq l-għola istituzzjoni tal-pajjiż.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en