Left arrow Go Back

PAJJIŻNA QED JATTIRA MEDJA TA’ 82,000 STUDENT GĦAT-TAGĦLIM TAL-INGLIŻ KULL SENA LI TFISSER 5.7% TAT-TURIŻMU KOLLU LEJN MALTA

pr140143
Date Icon 29/01/2014

Stimi proviżorji għall-2013 juru li pajjiżna se jkun ospita potenzjalment mal-85,000 student li ġew f’Malta għat-tagħlim tal-Ingliż u li bejniethom nefqu medja ta’ €145 miljun

Il-Gvern se jkompli jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-qasam tat-tagħlim tal-Ingliż f’pajjiżna għal studenti barranin biex dan ikompli jikber u jespandi. Ċifri uffiċjali għall-2012 juru kif wieħed minn kull tmintax-il turist li jaslu f’pajjiżna jagħmlu dan biex jitgħallmu l-Ingliż.

Meta dalgħodu kien qed jindirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-FELTOM, il-Federazzjoni li tirrappreżenta l-iskejjel tat-tagħlim tal-Ingliż għal studenti barranin, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem fuq l-importanza li għandu dan il-qasam għas-settur turistiku Malti.

Huwa semma kif pajjiżna qed jattira medja ta’ 82,000 student kull sena li qed jiġu f’pajjiżna għat-tagħlim tal-Ingliż, liema ċifra tfisser 5.7% tat-turiżmu kollu lejn Malta. Spjega kif l-aħħar statistika uffiċjali tal-2012 turi kif pajjiżna rreġistra żieda sostanzjali ta’ 18.2% f’dak li huwa tkabbir f’dan is-settur fuq is-sena ta’ qabel, bl-aktar swieq popolari jkunu l-Italja segwita mill-Ġermanja, ir-Russja, Franza u Spanja. Il-Ministru Vella fisser kif il-figuri tal-2012 juru kif dan is-settur iġġenera 12.6% tal-ammont totali ta’ ljieli u 10% tal-ispiża totali li  laħqet il-€135 miljun.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella qal li minkejja li l-istatistika uffiċjali għall-2013 għadha mhix pubblikata, l-istimi proviżorji jindikaw żieda fuq l-2012 fejn pajjiżna se jkun ospita potenzjalment mal-85,000 student f’dan ir-rigward, bi spiża li tlaħħaq €145 miljun u li bejniethom se jkunu qattgħu f’Malta mal-250,000 ġimgħa.

Preżentament pajjiżna jospita mal-40 skola tal-Ingliż għall-istudenti barranin li bejniethom joħorġu mat-€12.37 miljun f’salarji, liema ċifra tagħti indikazzjoni tajba tal-importanza li dan is-settur għandu anke fejn jidħol il-qasam tal-impjiegi.

Il-Ministru Karmenu Vella saħaq li filwaqt li fl-aħħar għaxar snin dan is-settur esperjenza tkabbir ta’ 4.3%, jibqa’ lok għal aktar espansjoni fost l-oħrajn b’attrazzjoni ta’ studenti aktar maturi minn swieq tat-tip long haul fejn dawn jiġu f’pajjiżna għal perjodu itwal biex jattendu korsijiet li finanzjarjament jiswew aktar.

Sadanittant, waqt l-istess laqgħa, il-FELTOM ħabbret tiġdid fl-imaġini korporattiva tagħha permezz ta’ tnedija ta’ logo ġdid, fl-istess ħin biex tfakkar il-ħamsa u għoxrin sena anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow