INAWGURATA PLAYROOM GĦAT-TFAL TAR-RESIDENTI FIL-FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN MILL-MINISTRU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI, DR MANUEL MALLIA
Illum ġiet inawgurata playroom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li ser tintuża biex isiru laqgħat bejn ir-residenti tal-Faċilità u t-tfal tagħhom. Din il-playroom inbniet fi żmien tlett xhur minn 16-il priġunier u erba’ uffiċjali tal-Faċilità, u grazzi għall-kontribut ta’ voluntiera li provdew l-għamara u ġugarelli.
Waqt l-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Manuel Mallia qal li kien il-Ministeru li għamel pressjoni biex isir din il-playroom għax jemmen li din hija l-politika u d-direzzjoni tal-gvern preżenti li lest li jagħti kull opportunità lir-residenti tal-Faċilità li jbiddlu ħajjithom u jirrijabilitaw. B’hekk, qal il-Ministru, din il-kamra, hija ħolma tiegħu, għax filwaqt li kkontribwixxew għaliha residenti u uffiċjali tal-ħabs flimkien, din il-kamra ser isservi biex tfal ta’ residenti ma jgħaddux minn trawma akbar minn dik li diġà qed jaffaċjaw. Dr. Mallia qal li t-tfal ta’ residenti tal-Faċilità jgħaddu minn trawma li jkunu seperati minn ġenitur tagħhom li jkun qed jiskonta sentenza. Apparti minn din it-trawma, jgħaddu mill-istigma tas-soċjetà, u kien għalhekk li nħass l-bżonn li jkun hemm ambjent aktar addatat u armonjuż għat-tfal meta jiltaqgħu mal-genituri tagħhom fil-Faċilità Korrettiva.
Il-Ministru Mallia, waqt li kien qed jindirizza lir-residenti tal-Faċilità, tenna li huma kienu l-periti mhux biss ta’ din il-kamra, iżda ta’ ideat tajbin ħafna u żgur li kapaċi jagħmlu ħafna aħjar minn hekk. Għalhekk, id-dover tal-gvern huwa li jisfrutta dawn il-kapaċitajiet ħalli s-soċjetà tkun lesta tilqagħhom lura u jkollha inqas livelli ta’ kriminalità.
Waqt l-istess attività infetħet is-Sala tad-Debituri li fuqha sar refurbishment. Din is-sala isservi għall-visti tal-priġunieri mal-qraba tagħhom. F’din is-sala ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ cctv cameras għal skopijiet ta’ aktar sorveljenza.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en