PERFORMANCE AUDIT REPORT: ADDRESSING SOCIAL BENEFIT FRAUD
L-Awditur Ġenerali wettaq verifika li indirizzat l-isforzi li għamel il-Gvern biex irażżan il-frodi fil-benefiċċji soċjali. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ffoka fuq l-operat tad-Dipartiment għall-Frodi u Investigazzjoni dwar Benefiċċji (BFID), li għandu l-kompitu li jiġbor l-evidenza neċessarja sabiex jiddetermina jekk hux jitwettqu frodi fil-benefiċċji soċjali. Ir-rapporti tal-BFID huma sussegwentement ippreżentati lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS), li r-rwol tiegħu huwa dak li jieħu d-deċiżjoni finali fuq dawn il-każijiet.
Ir-relazzjoni bejn il-BFID u d-DSS hija waħda diffiċli minħabba l-fehmiet diverġenti tagħhom fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-politika soċjali. Filwaqt li d-DSS huwa aktar kawt u jwaqqaf il-benefiċċji biss meta jilħaq ċertezza assoluta ta’ irregolarità, il-BFID jiddependi fuq evidenza li hija loġika u fattwali, però mhux neċessarjament inkonfutabbli.
Din id-diverġenza fil-ħsieb soċjopolitiku hi manifestata f’nuqqas ta’ qbil f’ċerti każijiet. L-NAO rreved l-każijiet kollha fejn hemm dan in-nuqqas ta’ qbil, u esprima t-tħassib tiegħu fuqhom. Każ li ġibed l-attenzjoni tal-NAO kien dak ta’ negozjant li nqabad iwettaq tranżazzjonijiet ta’ miljuni ta’ ewro filwaqt li kien qed jirċievi l-pensjoni tad-diżabilità u l-għajnuna għall-mard, fost benefiċċji oħra. Apparti każijiet interessanti oħra, bħal dak tal-boxer li jirċievi pensjoni għal persuna b’vista batuta, hemm il-każijiet ta’ benefiċċjarji li t-tfal tagħhom huma rreġistrati b’missier mhux magħruf filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-BFID ppruvaw mod ieħor.
L-NAO identifika wkoll diversi kwistjonijiet ta’ immaniġġjar li huma ta’ tħassib. Il-livell ta’ dettal mogħti lill-BFID bħala respons fl-aġġudikazzjoni ta’ każijiet kien inadegwat, u dgħajjef il-livell ta’ kontabbiltà u t-trasparenza mistennija minn dan il-proċess. Sors simili ta’ kontenzjoni kienu każijiet fejn id-DSS eżerċita diskrezzjoni amministrattiva lil hinn mill-parametri stabbiliti mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Barra minn hekk, l-NAO nnota li ma hemmx sistema ta’ identifikazzjoni ta’ riskju fir-rigward ta’ individwi li kkommettew frodi fil-benefiċċji soċjali u applikaw għall-benefiċċji mill-ġdid ftit żmien wara.
Minbarra l-investigazzjonijiet li jitwettqu wara li l-BFID jirċievi rapport fuq allegat frodi, id-Dipartiment iwettaq ukoll investigazzjonijiet hekk imsejħa ‘desk-based’, li jinvolvu r-reviżjoni u analiżi ta’ informazzjoni sabiex ikunu stabbiliti każijiet potenzjali ta’ frodi. L-NAO jemmen li l-futur tal-investigazzjonijiet rigward il-frodi fil-benefiċċji soċjali sejjer ħafna għall-aħjar f’dawn it-tip ta’ eżerċizzji, peress li din l-analiżi taqbad b’mod iktar ġust u komprensiv lill-benefiċċjarji l-aktar riskjużi, aktar milli tiffoka fuq dawk li ‘sfortunatament’ kellhom rapport ippreżentat kontrihom.
Jidher b’mod ċar mill-konklużjonijiet ippreżentati f’dan ir-rapport li l-infurzar fir-rigward tal-ġbir lura ta’ benefiċċji, imħallsa għalkemm ma kinux dovuti, huwa fqir. Dan huwa prinċipalment ġej mill-fatt li wieħed iħallas pagamenti żejda pendenti kemm-il darba li fl-istess żmien li jkun qed jagħmel dan ikun qiegħed jirċievi ħlasijiet regolari oħra ta’ benefiċċji soċjali. Aktar jgħarraq is-sitwazzjoni l-fatt li r-rati ta’ ħlas lura kienu xi drabi applikati b’mod żbaljat, mingħajr dokumentazzjoni li tissostanzja dawn id-devjazzjonijiet mill-parametri stipulati fil-liġi.
Id-deterrenti kontra l-frodi fil-benefiċċji soċjali huma, skont l-NAO, dgħajfa u insinifikanti, u ċertament ma jgħinux l-isforzi tal-infurzar. Barra minn hekk, l-NAO stabbilixxa li l-ammont ta’ ħlas żejjed li ngħata lill-benefiċċjarju kwalunkwe m’għandux effett fuq l-ammont ta’ ħlas lura infurzat, u żieda fl-ammont ta’ ħlas żejjed li ngħata benefiċċjarju (f’okkażjonijiet suċċessivi ta’ frodi fil-benefiċċji) sempliċiment jestendi l-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex jitħallsu lura l-flus kollha dovuti.
Ir-Rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: www.nao.gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en