IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KOMPETITTIVITÀ U TKABBIR EKONOMIKU, DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS IŻUR SMART WORKSHOPS
“Il-Gvern determinat li jonora l-wegħda elettorali tiegħu li jnaqqas id-digital divide’
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku, Dr. Edward Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza tal-informatika fil-ħajja tal-lum għal kull ċittadin speċjalment dawk ta’ 40 sena ’l fuq. Waqt żjara fi SMART Workshop bit-tema Tablets u Social Networking fi Smart City huwa qal li l-Gvern huwa impenjat u determinat li jonora l-wegħda li jnaqqas id-digital divide u jkattar aktar opportunitajiet ta’ tagħlim fost is-soċjetà u ċittadini ta’ etajiet varji inkluż anzjani.
Qal li l-idea u l-inizjattiva ta’ dawn il-workshops hija waħda innovattiva li toħodna ’l bogħod mill-format konvenzjonali ta’ klassi jew ċentru li fih ikun hemm numru ta’ kompjuters minn fejn isir it-taħriġ u l-prattika. Smart Workshops huwa l-proġett il-ġdid tat-TCTC għas-sena 2014-2015 fejn se jiġu organizzati serje ta’ workshops b’temi li jitrattaw stili tal-ħajja diġitali li nirrikorru għalihom kuljum, bħall-użu ta’ Facebook, online shopping, Skype, servizzi tal-eGOV u oħrajn.
Dr. Edward Zammit Lewis tenna li fi ftit ġimgħat applikaw ’il fuq minn seba’ mitt persuna għal dan il-kors. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex dawk li għadhom ma applikawx, japplikaw għal workshops simili. Inizjattivi bħal dawn jgħinu sabiex titnaqqas l-esklużjoni soċjali. TCTC flimkien ma’ diversi partners, inkluż SMART City, qed jorganizzaw dawn il-workshops fejn qed jiġi provdut trasport lill-parteċipanti kollha.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku qal li huwa importanti li l-Gvern ikompli bil-ħidma tiegħu u jingħaqad f’opportunitajiet bħal dawn biex ikompli jsostni l-inklużjoni elettronika. Huwa spjega li llum jekk wieħed ma jkunx jaf jagħmel użu mit-tekonloġija tal-informatika jkun żvantaġġjat ħafna.
“Aktar kemm ikollna ċittadini kapaċi u infurmati fl-ICT, aktar ikollna pajjiż effiċjenti u modern. X’ jiswa jekk inkomplu fuq eGOV jekk ikollna ċittadini li jibqgħu lura milli jużaw dawn is-servizzi?” qal Dr Zammit Lewis.
Huwa fakkar kif il-MITA taħdem kontinwament sabiex ittejjeb u tissimplifika kemm jista' jkun is-sistemi tal-eGovernment. Stqarr li kien sorpriż jara l-impenn u l-interess ta’ diversi anzjani u nisa tad-dar jitgħallmu f’dan il-kunċett ġdid.
Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed iniedi l-Istrateġija Nazzjonali għal Malta Diġitali li se tkun qed twassalna fil-quċċata tal-aqwa fl-Ewropa. Din qed titfassal b’konsultazzjoni adegwata, miftuħa għal kulħadd. Ir-riżultat ta’ dawn il-konsultazzjonijiet se twassal fi strateġija li għandha twassalna sal-2018 biex insaħħu t-teknoloġija tal-informatika bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna.
Dr. Zammt Lewis temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ inizjattivi bħal dawn biex inkomplu ngħallmu u nissimplifikaw l-operat ta’ Gvern elettroniku u diġitali. Qal li aktar ma jkollna soċjetà moderna, il-Gvern ikun jista’ jimraħ biex jiġġenera servizzi ġodda bbażati fuq it-teknoloġija elettronika.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en