Left arrow Go Back

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU, MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

pr140126mt
Date Icon 25/01/2014

Imħabbra l-Iskema tar-Rifużjoni tar-Reġistrazzjoni fuq Vetturi Personali

Il-Gvern ħabbar l-iskema tar-Rifużjoni tar-Reġistrazzjoni fuq vetturi ghall-użu personali li ġew reġistrati bejn l-1 ta’ Mejju, 2004, u l-31 ta’ Diċembru, 2008. Hu mistenni li se jibbenefikaw mill-iskema madwar 40,000 applikanti eleġibbli, u r-rifużjoni se titħallas fuq medda ta’ seba’ snin. L-ewwel pagamenti se jibdew jinħarġu minn April 2014, u se jintbagħtu direttament fid-djar tan-nies.

L-iskema ġiet mħabbra mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, il-Ministru għall-Finanzi Prof. Edward Scicluna, u s-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr. Owen Bonnici, is-Sibt 25 ta’ Jannar, 2014.

L-iskema se tapplika għal dawk il-vetturi li ġew reġistrati għall-użu personali, u jinkludi dawk il-vetturi li huma ta’ kategorija M1 u N1, muturi, u quadbikes. L-iskema tapplika għall-ewwel sid reġistrat tal-vettura li tkun liċenzjata u rreġistrata, irrispettivament jekk il-vettura ġietx skreppjata jew mibjugħha.

Ir-rifużjoni hi applikabbli fuq vetturi kemm ġodda u kemm second-hand, kif ukoll dawk li nxtraw mill-Unjoni Ewropea, jew minn pajjiżi oħra.

Dawk l-applikanti li rreġistraw aktar minn tliet vetturi għall-użu personali fil-perjodu speċifikat jistgħu jibbenefika minn rifużjoni fuq dawk it-tliet vetturi li r-registrazzjoni tagħhom ikunu l-ogħla. Biex ikunu eleġibbli, l-applikanti jridu jkunu residenti Maltin, u jkollhom aktar minn 18-il sena.

Waqt il-konferenza stampa, is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr. Owen Bonnici qal li llum wasal propju il-mument li b’ħidma kontinwa bejn it-tliet setturi, bil-għaqal u bl-ikbar reqqa se jiġu rritornati flus żejda li tħallsu minn sidien ta’ vetturi.  Bonnici qal ukoll li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat, bħala Mexxej tal-Partit Laburista li fi żmien il-gvern preċedenti għaraf din l-inġustizzja u li anke rnexxielu jwettaq wegħda oħra biex b’hekk issir ġustizzja mal-poplu.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Prof. Edward Scicluna tkellem kif dan il-Gvern qed juri bil-fatti li jwettaq dak li jwiegħed, u li l-kalkoli ta’ qabel l-elezzjoni tal-miżuri kollha li ġew ippreżentati fil-manifest elettorali – inkluż din l-iskema – kienu korretti u fattibbli. Prof. Scicluna sostna wkoll li l-Gvern kien qed jimplementa l-wegħda b’mod responsabbli hekk kif din se titqassam tul seba’ snin. Prof. Scicluna sostna wkoll li finanzi tal-Gvern mexjin mal-pjan tal-budget, u li l-Gvern hu fiduċjuż li se jagħlaq is-sena 2013 b’defiċit taħt il-3 fil-mija.

Fl-aħħarnett il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li se jkun hemm persuni mħarrġin apposta biex iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku u jassistuhom dwar kif se jibbenefikaw mill-iskema. Huwa qal li kull min huwa eliġibbli, se jirċievi l-applikazzjoni d-dar. L-applikazzjoni trid tintbagħat lura sal-14 ta’ Marzu li ġej. Il-Ministru qal li dan il-Gvern baqa’ konsistenti u dak li wiegħed sitt snin ilu, qed iwettqu llum. Huwa ħabbar ukoll li l-iskema se tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern nhar it-Tnejn li ġej.

Il-pubbliku jista’ jikseb aktar tagħrif dwar l-iskema billi jċemplu fuq in-numru freephone 8007 2373 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn il-ħinijiet 8.00 a.m. u l-4.00 p.m., jew inkella billi jibgħatu email fuq l-indirizz grantscheme.tm@transport.gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow