INWETTQU L-IDEAT TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FLIMKIEN
Il-Gvern huwa sieħeb magħkom, ejjew bl-ideat u nwettquhom. Dan kien l-appell tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo. Huwa qal dan waqt li kien qed iżur lill-grupp Żgħażagħ tal-Kottonera, fejn ġiet imnedija skema li se tgħin lil dawk l-għaqdiet taż-żgħażagħ biex jiżviluppaw proġett li jkun jista’ jitwettaq fil-grupp tagħhom jew fil-komunità fejn jgħixu.
Is-Segretarju Parlamentari Dr Stefan Buontempo kompla jgħid li din l-iskema ‘Be Active Scheme – Developing Ideas Together’, hija miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ fejn il-gvern qed joħloq l-opportunitajiet biex iż-żgħażagħ ikattru l-kreattività tagħhom u jkunu jistgħu jimirħu bl-ideat. Din hija parti minn kullana ta’ inizjattivi fil-qasam tal-kreattività u innovazzjoni, fuq diversi livelli li jinkludu it-tfal fl-iskejjel, iż-żgħażagħ u anke l-intrapriżi.
Permezz ta’ din l-iskema, se jkun possibbli li gruppi ta’ żgħażagħ affiljati mal-Aġenzija Żgħażagħ, jissottomettu proġetti marbutin ma’ temi li jinkludu Vot 16, l-illiteriżmu, l-intrapriża, l-obeżità, no hate speech, ċittadinanza attiva, u kreattività u innovazzjoni.
L-Aġenzija Żgħażagħ qed taħdem biex tgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw inizjattivi u programmi immirati għall-gruppi tagħhom li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, iż-żgħażagħ ikabbru l-ħiliet tagħhom.
Aktar informazzjoni fuq din l-iskema tinkiseb minn fuq is-sit tal-Aġenzija Żgħażagħ www.agenzijazghazagh.gov.mt
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en