L-ISFIDI FIL-QASAM TAL-ENERĠIJA DISKUSSI F’SEMINAR TAL-MEUSAC
Il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) dalgħodu organizza l-aħħar seminar minn serje ta’ erbgħa bit-tema ‘The Economic Recovery: Overcoming the Crisis Together’. L-iskop ta’ dawn is-seminars kien li jiltaqgħu flimkien dawk kollha li għandhom interess biex jiddiskutu l-effett tal-kriżi ekonomika, u flimkien jevalwaw kif l-ekonomija qed tirkupra u kif qed jintlaħqu l-miri nazzjonali fl-isfond tal-istrateġija ‘Ewropa 2020’.
Is-seminar tal-lum iffoka fuq l-enerġija u fuq il-miri nazzjonali fil-qafas ta’ ‘Ewropa 2020’. Fl-introduzzjoni għas-seminar, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, tkellem dwar kif fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal Malta, il-Kummissjoni Ewropea qalet li s-settur tal-enerġija f’Malta huwa ta’ sfida għall-kompetittività tal-pajjiż.
F’dan ir-rigward Dott. Xuereb aċċenna għall-kummenti pożittivi tal-kumpanija tal-credit ratings ‘Standard and Poor’s’ li nnutat il-progress li sar fil-qasam tar-riforma tas-settur tal-enerġija, u kif jekk ikompli jiġi reġistrat progress, ir-riforma għandha twassal għal tkabbir ekonomiku.
Il-Kap tal-MEUSAC qal li l-Kummissjoni Ewropea issa qed tħares lil hemm mill-2020 u fl-aħħar jiem ipproponiet miri li għandhom jintlaħqu sal-2030 sabiex jintbagħat sinjal b’saħħtu lis-suq u jiġi nkorraġit l-investiment privat f’pipelines u netwerks tal-elettriku ġodda u f’teknoloġiji aktar nodfa.
L-Inġinier Sandro Lauri, Analista tal-Enerġija fid-Diviżjoni tal-Politika tal-Enerġija fil-Ministeru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, elenka l-oġġettivi prinċipali tal-politika nazzjonali tal-enerġija, u kif il-pajjiż irid iħares lejn l-effiċjenza, is-sostenibilità u l-flessibilità. Dan kollu irid jittieħed fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea u l-miri tal-‘Ewropa 2020’.
Fost l-oħrajn huwa tkellem dwar skemi domestiċi li jżidu l-użu effiċjenti tal-enerġija u anki kampanji edukattivi. L-Inġinier Lauri enfasizza l-importanza li Malta tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq fjuwils impurtati u tinvesti f’enerġija rinnovabbli u indiġena.
L-Inġinier Simon Scicluna, Analista tal-Enerġija fid-Diviżjoni Politika tal-Enerġija fil-Ministeru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma tkellem dwar numru ta’ proġetti li l-Gvern qed jaħdem fuqhom jew qed jippjana għall-futur.
Fost dawn huwa semma l-bini tal-impjant li għandu jwassal biex Malta jkollha enerġija elettrika ġenerata mill-gass u l-pipeline tal-gass. Huwa elenka wkoll numru ta’ proġetti pilota li qed jistennew li jiġu approvati għall-fondi, fosthom sistema effiċjenti ta’ dawl LED fit-toroq, u proġetti li jinkorporaw miżuri għall-użu effiċjenti tal-enerġija u enerġija rinnovabbli fl-iskola primarja tas-Siġġiewi u fl-isptar San Vinċenz De Paule.
Huwa qal ukoll li il-Gvern qed jipproponi studju dwar il-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija f’ Malta wara l-2020 u kif tista’ tintlaħaq id-domanda fl-ambitu tal-miri u d-direttivi tal-Kummissjoni Ewropea.
Fit-tieni parti tas-seminar saet diskussjoni bejn il-pubbliku u l-kelliema fl-ewwel sessjoni flimkien mal-Inġinier Godwin Sant, Chief Policy Officer fid-Diviżjoni tal-Politika tal-Enerġija fil-Ministeru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, is-Sur David Spiteri Gingell, konsulent fl-istess Ministeru, u l-Professur Luciano Mulè Stagno mill-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli fl-Università ta’ Malta.
F’din is-sessjoni ġew diskussi diversi temi marbuta mal-enerġija fosthom: l-importanza tal-promozzjoni ta’ użu effiċjenti tal-enerġija fl-industrija; il-possibilità li l-pipeline tal-gass iservi wkoll biex jitwassal il-gass fid-djar; il-feed in tariff; l-enerġija ġenerata mill-iskart; l-enerġija ġenerata mir-riħ u mix-xemx; il-fondi Ewropej fil-qasam tal-enerġija; it-tibdil fil-klima; it-trasport; u t-tekonoloġiji li llum għadhom ġodda jew sperimentali iżda jistgħu jkunu saru realistiċi wara l-2030.
Dawn is-seminars kienu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt is-Sħubija ta’ Ġestjoni bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en