Left arrow Mur Lura

TNAQQIS MEDJU FIL-QGĦAD TA’ TMIEN PERSUNI KULJUM

pr140114
Date Icon 24/01/2014

L-istatistika qed turi li s-suq tax-xogħol jista verament imur għal aħjar bi tmexxija ffukata u b’enerġija pożittiva. Minn 7,639 f’Novembru li għadda, n-numru ta’ persuni bla xogħol f’pajjiżna naqas għal 7,401 f’Diċembru. Dan ifisser li, f’xahar wieħed biss, in-nies fuq ir-reġistru tal-qgħad tal-ETC naqas b’238, iġifieri medja ta’ tmien persuni kuljum.

Filwaqt li bejn Marzu u Diċembru 2013 in-numru ta’ persuni jirreġistraw baqa’ stabbli, iċ-ċifri tal-uffiċju nazzjonali tal-istatistika juru li, b’kuntrast, bejn Diċembru 2012 u Marzu 2013, li kienu l-aħħar disgħin jum taħt l-amministrazzjoni preċedenti, in-numru ta’ nies fuq ir-reġistru kien żdied minn 6,811 għal 7,350. Dan ifisser żieda ta’ 539 persuna, iġifieri medja ta’ sitt persuni kuljum.

Iż-żieda fil-qgħad taħt l-amministrazzjoni ta’ qabel seħħet minkejja li, fl-eqqel tal-kriżi politika u l-kampanja elettorali, l-Gvern kien daħħal 710 ħaddiem ġdid mas-settur pubbliku, żieda ta’ tmien persuni kuljum. Ta’ min ifakkar ukoll li bejn Marzu u Diċembru tal-2008, l-ewwel disa xhur tal-Gvern ta’ qabel, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien żdied b’205, iġifieri erba darbiet aktar mir-rata reġistrata fl-istess perjodu tal-2013.

Iż-żieda fil-qgħad fl-aħħar xhur tal-amministrazzjoni preċedenti kienet frott tad-deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu u li kienu wasslu għal inċertezza politika li ħalliet impatt ekonomiku negattiv. Il-Gvern il-ġdid bil-farri qed jirnexxilu jirrimedja s-sitwazzjoni minkejja l-attitudni negattiva tal-Oppożizzjoni fuq programmi ta’ fejda li qed iniedi l-Gvern u minkejja li l-ekonomiji internazzjonali għadhom mhux sodi kif rifless mid-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jnaqqas ir-rati tal-imgħax f’Novembru li għadda.

Huwa għalhekk li matul l-ewwel xhur ta’ din l-amministrazzjoni, pajjiżna ra żieda fin-numru ta’ nies jaħdmu. Il-figuri tal-Labour Force Survey juru żieda ta’ 5,300 impjieg li hija rata ta’ tkabbir doppju fuq dik reġistrata fl-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Il-maġġoranza tal-impjiegi li żdiedu kienu f’xogħolijiet full-time, u mhux part-time bħalma ġara s-sena ta’ qabel.

Fl-istess waqt, il-figuri tal-Eurostat juru li pajjiżna llum għandu r-raba l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, titjib mill-ħames l-inqas rata li kellna f’Marzu 2013 meta bdiet din il-leġislatura. Hu ta’ sodisfazzjon li l-figuri tal-Eurostat juru li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għall-amministrazzjoni preċedenti kienet aktar minn 14%, bdiet tonqos issa wkoll.

Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkompli jwettaq miżuri ġodda biex is-suq tax-xogħol jingħata spinta ikbar u l-ħaddiema jkollhom opportunitajiet aħjar biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Għal dan il-Gvern l-ħolqien tal-impjiegi tibqa priorita assoluta.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow