MALTA U Ċ-ĊINA JIFFIRMAW FTEHIM KULTURALI
Malta ser tospita ‘l-Olimpjadi tal-Kultura’ fl-2016
F’Beijing iċ-Ċina, Malta u ċ-Ċina iffirmaw ftehim kulturali li jkopri l-perjodu ta’ bejn is-sena 2014 u s-sena 2018, meta Malta ser tkun qed tospita t-titlu Ewropew ta’ Belt Kapitali tal-Kultura. Bi tħejjija għal dan it-titlu daqshekk prestiġjuż, il-gvern Ċiniż qabel li jidħol f’kollaborazzjoni u parteċipazzjoni ma’ pajjizna fil-preparazzjoni għall-programm kulturali tiegħu. L-impenn li l-Gvern Ċiniż ser ikun qed jagħti lill-pajjiżna fit-tħejjijiet tiegħu għas-sena 2018 hija parti minn programm kulturali wiesgħa li jkopri oqsma varji ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari, Jose’ Herrera ftit tal-jiem wara ż-żjarat tiegħu fiċ-Ċina u ċ-Ċile. Il-Programm Kulturali (2014 – 2018) ġie ffirmat mis-Segretarju Parlamentari u l-Viċi-Ministru tal-Kultura Ding Wei.
Is-segretarju parlamentari qal li x-xogħol li kien għaddej fl-aħħar tlett ġimgħat huwa turija tal-fiduċja li l-sħab tagħna barra l-pajjiż qed jagħtu lill-kultura f’pajjiżna. “Aħna nemmnu li l-kultura f’pajjiżna ser tkun il-cutting edge li din l-amministrazzjoni ser tagħti fiż-żmien illi ġej anke fid-dawl li fl-2018 Malta ser tkun qed tiċċelebra l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.” Żied igħid: “Ma rridx inħalli prodott kulturali insulari imma qed naħdem biex dan il-prodott nesportah barra l-pajjiż.”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm iċ-ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef li ħa sehem attiv fid-diskussjonijiet li l-Gvern Malti kellu maċ-Ċina u ftit wara kien mistieden jattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-kapitali tal-Kultura għal din is-sena, Riga fil-Latvia. Waqt iż-żjara li għamel Micallef f’Riga kellu diskussjonijiet ta’ kollaborazzjoni ma’ delegazzjonijiet ta’ Kapitali Ewropej tal-Kultura bejn l-2014 u l-2018 fosthom mad-delegazzjonijiet Ċiprijotti u tal-Leewarden fl-Olanda. Dawn ta’ l-aħħar ikunu s-sħab tal-Kapitali Valletta fl-2018.
Iċ-ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura Albert Marshall tkellem dwar l-importanza ta’ l-kuntatti li Malta qed ikollha ma’ entitajiet barra mill-pajjiż. “Dawn il-kuntatti ma’ barra huma seminali għat-twessigħ u l-internazzjonalizazzjoni tas-settur kulturali Malti għall-ġid u l-progress tal-artisti Maltin.”
Ftehim Malta-Ċina : 7 oqsma ta’ koperazzjoni
Permezz ta’ dan il-ftehim ta’ koperazzjoni Malta u ċ-Ċina qablu li jaħdmu fuq seba’ oqsma differenti li jinkludu: skambji kulturali t’arti u kultura, il-preservazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali, il-politika awdjo-viżiva, il-kunsilli lokali u l-Valletta 2018. Dwar il-Belt Kapitali tal-Kultura, il-Gvern Ċiniż, konxju miċ-ċentru tal-Kultura Ċiniża stabbilit fil-Belt Valletta (China Cultural Centre), qabel li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim Malta tista’ sservi ta’ gateway kulturali biex jitkattru l-kulturi fost popli differenti. Biex dan isir aktar tard din is-sena u fil-bqija tal-perjodu sas-sena 2018, il-Gvern Ċiniż ser ikun qed jibgħat sensiela t’artisti u nies oħra b’talent biex jaqsmu l-ħiliet tagħhom m’artisti Maltin. Min-naħa l-oħra l-awtoritajiet muniċipali f’Beijing laqgħu t-talba tas-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera li grupp t’artisti u n-nies oħra b’talent jipparteċipaw fil-fiera internazzjonali tal-kreattivita’ li ser isir aktar ‘l quddiem.
Oqsma oħra ta’ koperazzjoni li jsemmi l-ftehim jinkludu proposti konkreti bħal skambji kulturali bejn artisti u individwi oħra li jixprunaw il-kreattivita’, kuraturi u managers oħra tal-wirt storiku kif ukoll għajnuna konkreta lill-akkademiċi. Iż-żewġ naħat qablu ukoll li jiskambjaw wirjiet tal-arti biex jitgawdew mill-pubbliku u esebizzjonijiet oħra. Qablu ukoll li jiġu organizzati seminars li jkunu miftuħa għall-istudenti, akkademiċi u l-pubbliku in generali ħalli b’hekk titkattar l-arti letterarja.
Fil-qasam tal-wirt kulturali, iċ-Ċina qablet li tibgħat lejn Malta grupp ta’ speċjalisti, xjentisti u riċerkaturi biex jgħinu lill-pajjiżna fil-preservazzjoni u l-konservazzjoni t’għadd ta’ siti storiċi. Iċ-Ċina qablet ukoll li tirċievi nies midħla ta’ dan il-qasam biex tgħinhom ikattru l-ħiliet tagħhom f’oqsma daqshekk sensittivi għal pajjiżna. Ġie deċiż ukoll li Malta u ċ-Ċina jaħdmu ħalli jaslu għal skambji ta’ mill-inqas żewġ esebizzjonijiet ta’ storja u arkeoloġija. Intlaħaq qbil ukoll li jsiru skambji u koperazzjoni f’materji oħra bħal dawk awdjo-viżivi, it-tixrid tal-arti u kultura fost iż-żgħażagħ kif ukoll koperazzjoni bejn kunsilli lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera qal li dan il-ftehim huwa turija tar-relazzjonijiet b’saħħithom li hemm bejn Malta u ċ-Ċina, liema relazzjonijiet imorru lura s-snin. Huwa qal li Malta għandha ħafna x’titghallem miċ-Ċina speċjalment f’materji bħall-kultura, l-arti u wirt storiku. Kien għalhekk, qal Herrera, li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li jara mill-awtoritajiet Ċiniżi interess kbir fil-proġetti kulturali li ser ikunu qed isiru tul din il-leġislatura.
Il-koordinazzjoni tal-laqgħat tas-Segretarju Parlamentari u d-delegazzjoni tiegħu saru bl-għajnuna tad-direttur kulturali taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’pajjiżna u l-ambaxxatur Malti fiċ-Ċina Clifford Borg Marks.
Summit Dinji tal-Kultura u l-Arti ser isir f’Malta
Il-Kunsill Malti Għall-Kultura u l-Arti ser ikun qed jorganizza is-seba’ Summit Dinji għall-Kultura u l-Arti li se jsir ġewwa l-Belt Valletta f’Ottubru tal-2016.
Dan is-Summit Dinji – li se jiġi organizzat flimkien mal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kunsilli tal-Arti u Aġenziji Kulturali (IFACCA) – mistenni jilqa’ madwar 500 delegat minn 80 pajjiż sabiex jiddiskutu l-aktar kwistjonijiet importanti fl-arti. Is-Summit - li ser isir qabel il-Presidenza ta’ Malta tal-UE fl-2017 u tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, se jħabbar perijodu eċitanti għal kull min hu nvolut fix-xena kulturali u artistika Maltija u internazzjonali.
Dan tħabbar fi tmiem is-sitt Summit Dinji għall-Arti u l-Kultura f’ Santiago de Chile, miċ-chair tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kunsilli tal-Arti u Aġenziji Kulturali (IFACCA) Alan Davey ftit tal-jiem ilu.
L-applikazzjoni ta’ Malta ġiet sottomessa fil-bidu tas-sena l-oħra mill-Kunsill Malti Għall-Kultura u l-Arti (KMKA) u ġiet magħżula mill-bord tal-IFACCA skond il-kriterji tal-għażla ppubblikati.
IL-KMKA ser ikun qed jipproduċi dan l-avveniment kulturali importanti bil-koperazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari Għall-Kultura.
Is-Summit Dinji ser isir f’Dar il-Mediterran ġewwa il-Belt Valletta. Għal tlitt ijiem, kunsilli nazzjonali tal-arti, ministeri tal-kultura, mexxejja u policy makers tal-arti u l-kultura u artisti minn madwar id-dinja ser jagħmlu skambju ta’ esperjenzi u ideat fuq kwistjonijiet vitali li jeffettwaw l-appoġġ pubbliku għall-arti u l-kreattivita’ fuq livell nazzjonali u globali.
Summits preċedenti saru f’Ottawa fil-Kanada (2000), Singapore (2003), Newcastle Gateshead, l-Ingilterra (2006), Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel (2009) u Melbourne l-Awstralja (2011). Is-sitt Summit Dinji għadu kif wasal fi tmiemu f’Santiago, Ċile (2014).
IFACCA hija n-network dinjija ta’ aġenziji ta’ fondi nazzjonali għall-arti dedikata għat-titjib tal-prattiċi fl-iżvilupp tal-politika tal-arti u l-kultura, fondi tal-arti, żvilupp tal-udjenzi u aċċess pubbliku għall-arti.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en