IL-MINISTRU CARDONA JĦABBAR PROĠETTI TA’ INVESTIMENT MINN KUMPANIJI STABILITI F’GĦAWDEX LI SE JIĠĠENERAW AKTAR IMPJIEGI MATUL L-2014
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona żar numru ta’ kumpaniji stabiliti fiż-żona industrijali tax-Xewkija, Għawdex. Fi tmiem iż-żjara, l-Ministru Cardona fisser l-investiment li dawn il-kumpaniji qegħdin jippjanaw li jagħmlu matul l-2014 bħala turija tal-fiduċja li l-privat qed juri fl-ekonomija, fil-ħaddiema u l-politika fil-pajjiż. Matul iż-żjarat li għamel fil-kumpaniji Merit Precision Limited, Pamargan (Malta) Limited, Carefree Furniture Co. Ltd u Magro Borthers, il-Ministru Cardona tkellem dwar il-prospetti li għandhom dawn il-kumpaniji u l-pjanijiet ta’ investiment fil-ħaddiema, fil-makkinarju u fl-infrastruttura li joperaw fiha.
Il-Kumpanija Merit Precision Tools Limited matul l-2014 se tkun qed tkabbar l-operat tagħha f’Għawdex wara li kienet allokata fabbrika li hemm ħdejn l-istess impjant. Il-Kumpanija mistennija tinvesti miljun ewro f’makkinarju ġdid u ż-żied n-numru ta’ ħaddiema b’40%, biex minn 40 ħaddiem jitilgħu għal 56. Dan l-investiment kien possibli wara li l-kumpanija b’suċċess irnexxilha tagħlaq kuntratti ma’ kumpaniji kbar bħal Mercedes u FIAT.
Il-Ministru Cardona żar ukoll il-kumpanija Pamargan Poducts (Malta) Limited, li wkoll hija stabilita fiż-żona Industrijali tax-Xewkija. Din il-kumpanija, attwalment timpjega 120 impjegat u fl-2013 iġġenerat 5 miljun ewro. Matul l-2014 din il-kumpanija qed tippjana li tinvesti mal-200,000 ewro oħra fl-impjant tagħha, liema investiment se jkun qed joħloq mal-15 –il impjieg ġdid.
It-tielet żjara saret fil-kumpanija Magro Brothers (Foods) Limited, negozju ieħor tal-familja li l-oriġini tiegħu tmur lura bosta snin. Il-Ministru Cardina faħħar din il-kumpanija li matul is-snin irnexxielha tiżvillupa numru ta’ prodotti għal niche markets, u illum qed tipproduċi wkoll taħt ditti differenti bħal Savina u Ħanini. Qal li dan jixhed l-għaqal, l-inizjattiva u l-ispirtu qawwi ta' mprenditorija tal-aħwa Magro, li rnexxilhom jorganizzaw struttura kompetittiva biex il-kumpanija taffronta l-ġejjieni. Minnaħa tiegħu s-Sur John Magro ħa l-okkazzjoni jħabbar li l-kumpanija kienet fetħet sussidjarja fl-Italja u anke pparteċipar b’suċċess fil-fiera tal-ikel fl-Italja fejn il-prodotti tagħha kienu mfaħħra mill-esperti preżenti.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar ħa l-okkazzjoni wkoll iżur negozju tal-familja, il-Carefree Furniture Co.Ltd. Din il-kumpanija żgħira, li timpjega 8 persuni, qed tippjana li fi żmien li ġej tinvesti mitt elf ewro u żżied l-impjegati tagħha b’50%. Matul din iż-żjara, il-Ministru Cardona ħa l-okkazzjoni jkellem lis-sidien tal-kumpanija dwar l-Att dwar in-negozju tal-familja, liġi innovattiva li qiegħed jaħdem fuqha l-Gvern biex isaħħaħ is-sostenibbilità ta’ dawn in-negozji u sabiex jiffaċilita u jinċentiva t-trasferiment tagħhom meta jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra, ħalli dawn in-negozji jiġu kkonsolidati u mhux frammentati.
Il-Ministru Cardona, li kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-Malta Enterprise Dr. Mario Vella u mill-Kap Ezekuttiv tal-Malta Industrial Parks is-Sur Joshua Zammit, qal li din kienet l-ewwel minn serje ta’ żjarat li huma ppjanati li jsiru f’Għawdex. Dan bil-għan li l-Gvern jagħmel minn Għawdex mutur ekonomiku li joħloq ix-xogħol u l-ġid għall-Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en