IL-KUNSILLI LOKALI SE JIBBENEFIKAW MILL-PROGRAMM TA' ĊITTADINANZA B'INVESTIMENT
Il-poplu se jħoss b'mod dirett il-benefiċċji tal-programm ta' ċittadinanza b'investiment permezz ta' proġetti li jsiru fil-kommunitajiet madwar Malta u Għawdex iffinanzjati mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt it-tieni laqgħa tal-kabinett li saret barra l-Berġa ta’ Kastilja, kif imwiegħed fil-programm elettorali, din id-darba fil-lokalità tal-Mellieħa wara dik li saret f'Marsaxlokk f'Lulju li għadda.
Dr Muscat qal li l-kunsilli lokali huma fost dawk li se jibbenefikaw mill-ġid li jinħoloq bil-programm ta' ċittadinanza b'investiment. Dawn ir-rappreżentanti tal-poplu se jkollhom kull opportunità li, kif diġà japplikaw għal programmi oħra, issa jibdew iressqu l-proposti tagħhom quddiem il-board of trustees li se jmexxi l-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
B'dan il-mod jistgħu jitwettqu proġetti ta' fejda li l-kunsilli lokali ilhom joħolmu dwarhom iżda sa llum qatt ma kellhom il-budgets finanzjarji biex jagħmluhom. Il-Prim Minstru qal li b'hekk se jħaffef l-iżvilupp tal-pajjiż b’risq il-poplu. Il-gvern jibqa’ determinat li jgħaddi fondi lill-kunsilli lokali minn sorsi ta’ dħul ġodda bla ma jżid il-piż tat-taxxi.
Il-Prim Ministru qal li, l-istess bħal kunsilli lokali, il-gvern m'huwiex sodisfatt bl-infurzar lokali u għalhekk se toħroġ white paper biex dis-sistema titjieb.
Fil-laqgħa li saret fl-Imperial Band Club, is-sindku tal-Mellieħa s-sur John Buttigieg elenka l-bżonnijiet tal-lokalità tiegħu fosthom pjan ta' immanigjar aħjar tat-traffiku, restawr ta’ monumenti u binjiet storiċi, tisbiħ tal-Għadira u proġetti kapitali ohra li għalihom il-kunsill lokali m’għandux il-fondi meħtieġa.
Attendew ukoll is-sindki tal-lokalitajiet kollha mir-reġjun tat-Tramuntana li tkellmu mal-kabinett dwar il-ħsibijiet u l-proposti tagħhom għaż-żmien li ġej.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en