L-ISPEAKER TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI F’LAQGĦAT MA’ UFFIĊJALI TAL-PARLAMENT TA’ NEW SOUTH WALES
Illum it-Tnejn, 20 ta’ Jannar, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor Anġlu Farrugia, flimkien mal-Iskrivan tal-Kamra, is-Sur Raymond Scicluna kellhom laqgħa fil-bini tal-Parlament ta’ New South Wales f’Sydney l-Awstralja. Preżenti għal din il-laqgħa min-naħa Awstraljana kien hemm l-Onor Peter Phelps, Membru tal-Kunsill Leġiżlattiv u whip min-naħa tal-Gvern, is-Sur David Blunt, l-Iskrivan tal-Kunsill Leġiżlattiv, is-Sinjura Ronda Miller, l-Iskrivan tal-Assemblea Leġiżlattiva u s-Sur Robert Stefanic, executive manager fid-dipartiment tas-servizzi parlamentari.
Waqt il-laqgħa saret referenza għas-sistema adottata mill-Kunsill Leġiżlattiv u ta’ New South Wales li tagħti dritt ta’ tweġiba liċ-ċittadini, korporazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet għal rimarki li jkunu saru fil-konfront tagħhom waqt xi dibattitu fl-istess Kunsill. Ġie spjegat il-proċess kif tali tweġiba tista’ tiġi finalment pubblikata u tkun tifforma parti mill-istess rapport uffiċjali tal-Kunsill Leġiżlattiv.
Materja oħra li ġiet diskussa tirrigwarda l-proċess li bih Membru jista’ jiġi mistħarreġ mill-Kummissarju tal-Istandards, li fi New South Wales jokkupa statura kważi ġudizzjarja. Saret spjega ta’ kif taħdem din l-istruttura mill-Onor Phelps li sab opportun jiġbed l-attenzjoni tal-bżonn li minbarra l-poter investigattiv, dan il-Kumissarju għandu jkollu l-mandat li joffri servizz ta’ konsultazzjoni lill-Membri Parlamentari dwar jekk xi attività tkunx tikkostitwixxi nuqqas ta’ mġiba xierqa.
L-Ispeaker qajjem il-kwistjoni dwar jekk mozzjoni ta’ tneħħija ta’ imħallef tibqax ħajja max-xoljiment tal-Parlament. Ġie spjegat li l-pożizzjoni ta’ New South Wales hija li ladarba li d-diskussjoni tkun għadha ma bdietx, tali mozzjoni taqa.
Wara l-laqgħa, id-delegazzjoni Maltija ġiet murija ż-żewġ swali li jintużaw mill-Assemblea u l-Kunsill Leġiżlattiv.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en