DJALOGU PUBBLIKU DWAR IL-PROGRAMM U L-PRIORITAJIET TAL-PRESIDENZA GRIEGA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Presidenza Griega tindirizza l-isfidi komuni tan-Nofsinhar tal-Ewropa
Fl-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena l-Greċja ħadet ir-responsabbiltà tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE). Dan qed isir meta l-UE għaddejja minn fażi tranżitorja sabiex tirkupra mill-kriżi ekonomika globali li feġġet fl-2008.
L-isfida tal-UE fil-preżent hija li taċċerta prosperità u stabbiltà, u f’dan l-isfond il-Presidenza Griega se tkun qed tippromwovi politiki ta’ tkabbir ekonomiku, tiġġieled il-qgħad u taħdem għal tisħiħ ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, issaħħaħ l-integrazzjoni, u tindirizza sfidi esterni bħat-tkabbir tal-UE.
Dan kollu ġie diskuss illum fi djalogu pubbliku organizzat mill-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) bit-tema ‘Europe, Our Common Quest’ dwar il-programm u l-prijoritajiet tal-Presidenza Griega.
Fid-djalogu ipparteċipaw, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dott. George W. Vella, u l-Ambaxxatur tal-Greċja għal Malta, l-E. T. Alexandros Rallis.
Il-Ministru Helena Dalli, qalet li hi qed tħares ’il quddiem lejn l-impenn tal-Presidenza Griega biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE, b’mod partikolari fejn jikkonċerna l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, kif ukoll l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali.
Dott. Dalli qalet li hemm bżonn li ssir enfasi akbar fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi billi jittieħdu miżuri li jiżguraw it-trattament ugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Hi semmiet ukoll l-importanza li tingħata aktar attenzjoni lid-drittijiet fundamentali tan-nisa, b’enfasi speċifika fuq vjolenza li ssir abbażi tas-sess.
Il-Ministru George W. Vella qal li għandu fiduċja li matul din is-sena, kemm bil-Presidenza Griega tal-Unjoni Ewropea sa Ġunju li ġej, u dik Taljana sa tmiem is-sena, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni rregolari tiġi missielta aħjar. Dott. Vella qal li huwa fiduċjuż li se jiġu adottati r-rakomandazzjonijiet tat-task force tal-Mediterran u dan sabiex l-Unjoni Ewropea turi solidarjeta` fil-prattika biex l-immigranti jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn. Dott. Vella saħaq li fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni rregolari, Malta ma tridx tfarfar mir-responsabbiltajiet tagħha, iżda trid aktar solidarjeta` minħabba l-limitazzjoni tar-riżorsi tal-pajjiż u biex tkun f’pożizzjoni aħjar li tgħinhom.
Dott. Vella rrefera wkoll għall-aġenda tal-Presidenza Griega li qed tagħfas fuq tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol, kif ukoll il-potenzjal tal-politika marittima. Dott. Vella rrefera wkoll għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, u l-importanza ta’ rabtiet b’saħħithom mal-pajjiżi fil-punent tal-Balkani u l-Afrika ta’ fuq. Dott. Vella semma’ wkoll it-tħassib tal-problemi li għandhom il-pajjiżi fl-Afrika ta’ fuq b’mod speċjali l-Libja u l-bżonn li din tingħata assistenza biex toħloq stabbilta` mal-fruntieri tagħħa.
Il-Ministru ħabbar ukoll it-twaqqif tal-grupp għall-pajjiżi tal-Mediterran fi ħdan il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE bil-għan li dawn il-pajjiżi jikkoordinaw aħjar l-azzjonijiet tagħhom.
Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, qal li wara l-problemi ekonomiċi tas-snin li għaddew, l-isfida ewlenija tal-UE hija li tirrijafferma l-missjoni tagħha f’qalb u f’moħħ iċ-ċittadini. Dott. Xuereb qal li fid-dawl tat-tibdiliet li għaddejja minnhom l-UE, dan huwa l-mument opportun li niddiskutu l-għanijiet komuni tagħna fi ħdan l-UE.
L-Ambaxxatur Alexandros Rallis ippreżenta l-programm u l-prijoritajiet tal-Presidenza Griega u enfasizza l-fatt li matul is-sitt xhur li ġejjin il-Greċja trid taħdem id f’id mal-Italja u Malta rigward l-isfidi u l-interessi komuni ta’ dawn l-Istati Membri.
L-Ambaxxatur Rallis qal li matul l-2014, kemm il-Presidenza Griega u kif ukoll dik Taljana, se jiffukaw fuq il-Meditarran u n-Nofsinhar tal-Ewropa. Huwa tkellem ukoll dwar il-problema tal-immigrazzjoni irregolari u l-inizjattiva tal-Prim Ministru Joseph Muscat biex Malta, l-Italja u l-Greċja jkollhom pożizzjoni komuni fl-UE dwar din il-problema. Il-politika marittima tal-UE se tkun ukoll fuq l-aġenda tal-Presdienza Griega u riflessa mal-prijoritajiet l-oħra.
Waqt id-diskussjoni li segwiet l-interventi tal-kelliema prinċipali, kien hemm dibattitu fuq diversi temi minn parteċipanti li kienu jinkludu ambaxxaturi, kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Fost il-punti li ssemmew kien hemm il-Konvenzjoni ta’ Dublin li tiddetermina l-Istat responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil u jekk il-Presidenza Griega hix se taħdem biex din tkun emendata, it-terminoloġija marbuta mal-immigrazzjoni irregolari, il-ħidma tal-presidenza tal-Kunsill, l-istrateġija komuni tad-difiża fl-UE, ix-xettiċiżmu lejn l-istituzzjonijiet Ewropej fid-dawl tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ din is-sena, u r-riforma fl-edukazzjoni.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en