L-AQWA RITRATTI FIL-KOMPETIZZJONI FOTOGRAFIKA ‘MY MALTA’ ESEBITI F’WIRJA FIL-BERĠA TAL-ITALJA
Fil-foyer tal-Berġa tal-Italja l-Ħamis filgħaxija kienet inawgurata wirja ta’ ritratti dwar il-gżejjer Maltin bħala parti mill-inizjattiva ‘My Malta’ li kienet tnediet f’Ottubru li għadda mill-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Bl-għajnuna t’esperti mill-Istitut Malti għall-Fotografija Professjonali (MIPP), intagħżlu l-aqwa ritratti minn total ta’ 1317-il ritratt li ġew sottomessi mill-pubbliku fuq perjodu ta’ xahrejn u li jkopru l-kategoriji kollha tal-kompetizzjoni fotografika.
Waqt it-tnedija tal-wirja, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella faħħar din l-inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li saret għall-ewwel darba bil-għan li tippromwovi l-gżejjer Maltin mill-aspett turistiku b’mod pożittiv. Sostna li r-ritratti sottomessi mhux biss jistgħu jintużaw għal fini ta’ promozzjoni iżda wkoll iservu biex iqajmu kuxjenza fost il-pubbliku Malti ta’ dak li jagħmilna Maltin u li jiġbed anke l-għajn tat-turist meta jkun f’pajjiżna. Filwaqt li rringrazzja lil kull min ipparteċipa kif ukoll lill-isponsors kollha, il-Ministru Vella awgura li din l-inizjattiva tkompli ssir fis-snin li ġejjjin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci semma kif l-inizjattiva ‘My Malta’ tat l-opportunità għal ħidma konġunta bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Fisser kif l-idea wara l-kompetizzjoni fotografika kienet li tingħata opportunità lill-pubbliku inġenerali biex juri l-kreattività tiegħu b’sottomissjonijijet ta’ ritratti oriġinali li joħorġu l-aspett Malti f’dak li huwa ikel, tradizzjonijiet, kultura, rikreazzjoni, sports, xenarji, u avjazzjoni fost l-oħrajn.
Ir-rebbieħa f’kull kategorija rċevew weekend break kull wieħed filwaqt li r-rebbieħ finali b’ritratt meħud taħt l-ilma dwar il-passatemp tal-għadds irċieva l-premju ta’ titjira għal tnejn lejn destinazzjoni fl-Ewropa li fiha topera l-Air Malta.
Tqassmu wkoll ċertifikati ta’ mertu lir-rebbieħa kif ukoll lill-finalisti kollha.
Il-wirja tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Jannar bejn it-8.00 am u 6.00 pm.
Dettalji dwar il-finalisti u r-rebbieħa jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għat-Turiżmu tourism.gov.mt
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en