DISKORS MILL-ONOREVOLI GEORGE W. VELLA, MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN FL-OKKAŻJONI TAL-ISKAMBJU TAL-AWGURI TAL-EWWEL TAS-SENA MAL-KONSLI ONORARJI – IL-ĦAMIS 16 TA' JANNAR 2014
Konsli Onorarji,
Hekk kif għaddiet sena oħra nħossni kuntent li qiegħed hawn magħkom biex naqsam l-awguri għas-Sena l-Ġdida. Kif inhi d-drawwa f'dawn l-okkażjonijiet rendikont ta' dak li seħħ matul is-sena li għadha kemm għaddiet, jgħinha lkoll inħarsu 'l quddiem b'kunfidenza u impenn. Nistenna li din is-sena tkun waħda ompenjattiva u ta' suċċess għal kull wieħed u waħda minnkom kif ukoll għal Malta. Nixtieq ukoll nirringrazzjakom għax-xogħol siewi li wettaqtu, filwaqt li ninkoraġġikom tibqgħu żżommu dan ir-ritmu fl-isforzi biex tippromwovu ’l Malta bħala pajjiż ideali għall-investiment. Fl-istess waqt nixtieq personalment nawgura lilkom u l-familji tagħkom sena serena, saħħa u prosperità.
Ir-rwol tal-Konsli Onorarji huwa bażikament wieħed ta' servizz għall-pajjiż ta' rappreżentanza. Huwa minnu li meta wieħed jitkellem dwar servizz lejn il-pajjiż, li jiġi mill-ewwel f'moħħi hu lealtà u impenn lejn iċ-ċittadini ta' pajjiż partikolari.
Is-servizz tagħkom huwa mkejjel minn dak li wieħed jirnexxielu jagħmel f'termini ta' assistenza liċ-ċittadin tiegħu. Madankollu l-ħidma tagħkom hija wkoll kwantifikata minn kemm wieħed jinvesti enerġija fl-għarfien ta' ideat innovattivi u l-potenzjalità tagħha eqreb lejn il-pajjiżi li toperaw fihom.
Dan isir permezz ta’ kordinament sħiħ bejn il-Ministeru kif ukoll entitajiet speċjalizzati bħal Kamra tal-Kummerċ, il-Malta Enterprise u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Fattur ieħor li nemmen li għandu sehem fl-andament tal-ħidma tagħna, hija l-klima internazzjonali dejjem tinbidel. Fil-fatt jekk inħarsu lejn dak li seħħ is-sena l-oħra, li jolqotni b'mod partikolari hi l-qagħda ekonomika fl-Ewropa, u r-rata għolja ta' qgħad li sfortunatament mhux tgħin wisq lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tħares 'il quddiem b'entużjażmu u kuraġġ.
Sitwazzjonijiet oħra li nemmen li qed jifnu r-reġjun tagħna huma: l-gwerra ċivili fis-Sirja u l-instabbiltà fil-pajjiż ġar tagħna l-Libja. Din l-instabbiltà politika u ekonomika mhix tħalli l-komunità internazzjonali tiffoka kif mixtieq fuq materji produttivi li jwasslu għal ħolqien ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u xogħol ta' kwalità.
Hija wkoll il-kawża tal-influssi bla preċedent ta' immigranti irregolari li fi sforz biex isibu għajxien aħjar 'il bogħod mill-kunflitti f'pajjiżhom qed jaqsmu l-baħar li jissepara l-Afrika ta' Fuq mill-Ewropa t'Isfel b'ħafna minnhom jispiċċaw jitilfu ħajjithom waqt il-vjaġġ. Fil-waqt li bħala gvern m'aħniex se nieqfu nikkundannaw it-telf ta' ħajjiet fil-baħar, se nibqgħu determinati li nagħmlu dak kollu possibbli biex tinstab soluzzjoni tanġibbli u għat-tul, filwaqt li tindirizza dawn il-vjaġġi rregolari.
Fuq nota lokali, ma nistax ma nagħmilx referenza għall-erba' anniversarji nazzjonali li pajjiżna se jkun qed jiċċelebra matul din is-sena. Individwalment u flimkien, il-festi kollha jikkostitwixxu t-tessut evoluttiv soċjali u politiku ta' nazzjon. Għaldaqstant nixtieq nistedinkom ilkoll biex tipparteċipaw fl-attivitajiet li se jkunu organizzati biex ifakkru u joffru spunt ta' riflessjoni dwar is-sens li kull waħda minn dawn l-anniversarji għandhom għalina llum u l-parti li dawk l-avvenimenti kellhom sabiex jintiseġ it-tessut nazzjonali tagħna.
Hawn nixtieq ngħid li meta nħares lura lejn dawn il-kisbiet, li jgħaqqadhom ilkoll flimkien, hija d-determinazzjoni tal-poplu Malti li ried jimxi 'l quddiem billi jistabbilixxi lilu nnifsu bħala nazzjon sovran, kif ukoll jara li jkollu sehem attiv fuq livell internazzjonali. Dan jitlob minna lkoll, li biex naffaċċjaw l-isfidi li għandna quddiemna, u sabiex naġixxu b'mod responsabbli għas-sejħa li qed jagħmlilna pajjiżna, irridu naraw li nkomplu naħdmu għal paċi u s-sigurtà.
Dan l-impenn huwa kruċjali għall-vokazzjoni Mediterranja tagħna u d-dimensjoni Ewropea li rridu naħdmu fiha.
Dan nerġa' ntennihulkom illum hekk kif sinċerament nemmen, li jekk nagħmlu dan, jirnexxielna nippersistu fil-miri tagħna li nirrispondu b'mod effettiv għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. Inħeġġiġkom ukoll sabiex tkomplu taħdmu għat-tkattir tar-relazzjonijiet kummerċjal, kulturali u soċjali bejn il pajjiżi rispettivi tagħna. Dan l-impenn għandu jkun intensifikat matul din is-sena, permezz ta' riżultati tanġibbli li għandhom iwasslu biex ikomplu jikkonsolidaw oqsma stabbilti, filwaqt li jikkontribwixxu biex jiġġeneraw oħrajn ġodda.
Fl-aħħar, filwaqt li nestendi mill-ġdid lilkom ilkoll il-gratitudni tiegħi għax-xogħol siewi li qed tagħmlu fl-aħjar interess tal-poplu tagħna, inhares 'il quddiem biex naħdem eqreb magħkom billi naqsmu l-ideat u l-kuntatti li kif tafu huma kruċjali biex niksbu r-riżultati li nixtiequ.
Nixtieq lilkom u l-għeżież tagħkom sena ġdida mimlija risq, hena u fuq kollox saħħa.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en