WASAL IŻ-ŻMIEN BIEX PAJJIŻNA JIMXI ’L QUDDIEM
“Dan il-Gvern ġie elett biex jiddeċidi u jiddefendi l-interess nazzjonali, biex itejjeb il-livell tal-għejxien tal-familji Maltin u Għawdxin. Nemmnu li bil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, dan se nagħmluh. Fina żdiedet il-konvinzjoni li l-programm se jwassal għal ġid enormi għal poplu tagħna”. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għad-diskussjoni u l-vot fil-Parlament Ewropew.
Jirrispetta t-trattati Ewropej
Il-pariri kollha juru li l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment jirrispetta t-trattati Ewropej, kif jirrispettawhom programmi simili ta’ pajjiżi oħra bħal Awstrija, Ċipru, il-Latvja, il-Portugal, Spanja u dalwaqt il-Kroazja. Fl-aħħar jiem sar enfasi biss fuq Malta imma huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni li ġab dan kollu b’idejh. “M’hemm ebda bejgħ ta’ ċittadinanza. Inbiegħ biss pajjiżna mill-Kap tal-Oppożizzjoni. M’aħniex sorpriżi b’dan l-aġir pwerili u tal-passat. Simon Busuttil biegħ lil Malta u l-poplu se jżomm kont ta’ dan”, qal il-Prim Ministru.
Il-Gvern sema dak li ntqal fil-Parlament Ewropew, b’attenzjoni u mhux b’suppervja. Dr Muscat spjega kif Malta ħadet nota tad-dikjarazzjonijiet li saru bl-istess mod kif gvernijiet oħra jieħdu nota meta, kull sena, ikun hemm riżoluzzjonijiet li jagħtu aċċess għall-abbort u kif gvernijiet oħra jieħdu nota ta’ appelli li jsiru kull sena għal burden sharing mandatorju fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni llegali. Il-Prim Ministru fakkar li kemm il-Kunsill kif ukoll Kummissjoni Ewropea fid-dikjarazzjonijiet formali tagħhom qalu ċar u tond li ċ-ċittadinanza hija kompetenza tal-stati membri.
In-National Economic and Social Development Fund
Għalhekk issa, kif qalu l-korpi kostitwiti, wasal iż-żmien li nimxu ’l quddiem. Dr Muscat qal li l-Gvern se jimxi fuq il-programm ta’ kompromess li għamlu l-Kamra tal-Kummerċ u r-regolatur tas-servizzi finanzjarji, l-MFSA. Apparti l-investiment fi propjeta u stocks tal-Gvern, dan il-programm se jiġġenera elf miljun ewro f’kontribuzzjoni direttta. “Elf miljun ewro fi programmi ta’ fejda għal pajjiżna. Elf miljun ewro biex nibnu pajjiż Ewropew u modern li jixraq lill-poplu. Elf miljun ewro biex jinħoloq ix-xogħol. Elf miljun ewro fi proġetti soċjali. Elf miljun ewro għall-isptarijiet tagħna u l-mediċini. Elf miljun ewro fi proġetti ambjentali u ta’ innovazzjoni”, sostna l-Prim Ministru.
Dawn il-proġetti tanġibbli se jmorru biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, qal Dr Muscat. Meta jibdew jitwettqu bil-Fond Nazzjonali ta’ Żvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-poplu se jkun jaf li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma riedhomx dawn l-investimenti. Il-Gvern iċċaqlaq mill-pożizzjoni tiegħu u kienet l-Oppożizzjoni li baqgħet twebbes rasha għaliex kellha l-pjan tagħha lest biex tipprova tiggwadanja punti politiċi. Iżda l-poplu ma jaċċettax dan it-tip ta’ degradazzjoni tal-politiċi tiegħu.
Rispons inkoraġġanti ħafna
L-applikazzjonijiet għal programm ta’ ċittadinanza b’investiment bdew deħlin u r-rispons huwa inkoraġġanti ħafna. Il-Prim Ministru qal li “hemm nies ta’ livell għoli ħafna. It-tip ta’ nies li rridu aħna. Se nkunu selettivi immens għaliex il-limitu ta’ 1800 persuna li jistipula l-programm itina l-lussu li nagħżlu l-aqwa nies ta’ kalibru li qed juru interess li jsiru parti mill-komunità globali ta’ Malta”. Dalwaqt se ssir ukoll il-ħatra tal-eks kap taċ-ċivil Dr Godwin Grima bħala r-regolatur tas-sistema li se tagħmel superviżjoni fuq Identity Malta.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-Ewro Parlamenti Laburisti li ħadmu biex ir-riżoluzzjoni oriġinali kif imbuttata mill-MEPs Nazzjonalisti tnaqqset għal tliet riferenzi lejn Malta. Irringrazzja wkoll lill-grupp tas-soċjalisti Ewropej li fehem il-kwistjoni u appoġja t-talba ta’ Malta biex titneħħa isem Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en