ESTIŻ FUQ JUMEJN IS-SERVIZZ TA’ DAY CENTRE GĦALL-ANZJANI F’ĦAL KIRKOP
Wara interess qawwi li kien hemm minn diversi anzjani biex jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani f’Ħal Kirkop, il-Gvern laqa’ t-talba tal-Kunsill Lokali biex dan is-servizz jiġi estiż fuq jumejn u b’hekk tinqata’ l-istennija li kien hemm għal dan is-servizz.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Dr Franco Mercieca waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Ħal Kirkop fejn sostna li dan is-servizz għandu l-għan li l-anzjani jibqgħu dejjem aktar attivi fis-soċjetà.
Dr Mercieca sostna li b’din id-deċiżjoni li ċ-ċentru jinfetaħ darbtejn fil-ġimgħa, it-Tnejn u l-Ħamis, mhux biss se tkun qed tingħata l-opportunità lil madwar 40 anzjan/a Koppin jattendu darbtejn fil-ġimgħa f’dan iċ-ċentru, iżda mal-20 anzjan/a li kienu fuq il-lista ta’ stennija se jkollhom l-opportunità li jibdew jattendu f’dan iċ-ċentru u b’hekk jerġgħu jibdew jintegraw lilhom infushom dejjem aktar fis-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li bħala parti minn eżerċizzju ta’ tiġdid f’dawn iċ-ċentri, fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qiegħda tinħatar persuna biex tieħu dan is-servizz f’livell aktar avvanzat. Din il-persuna se tkun responsabbli wkoll mill-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali Strateġika għal Anzjanità Attiva li għandha l-għan fost oħrajn li żżid il-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà.
Dr Mercieca sostna li din hija waħda mill-inizjattivi marbuta mal-wegħda fil-Manifest Elettorali ta’ dan il-Gvern li ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum fejn jinġabru l-anzjani jinbidlu u jibdew jitħaddmu aktar fuq il-kunċett ta’ Life long Learning Hubs. Qal li l-għan tal-Gvern hu li nagħmlu minn din l-esperjenza waħda aktar produttiva u interessanti għall-anzjani nfushom.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li hekk kif tħabbar fil-Budget għal din is-sena, il-Gvern qed jaħdem biex fix-xhur li ġejjin jinfetħu żewġ ċentri oħra għall-anzjani fil-Birgu u f’Ħal Balzan waqt li qed issir ħidma biex jinfetħu ċentri f’lokalitajiet oħrajn biex aktar anzjani jkollhom l-opportunità li jżidu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà.
F’Malta hawn 21 Ċentru ta’ Matul il-Jum li jattendu fihom mal-1,500 anzjan/a.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en