STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA
Il-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia jirringrazzja l-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa, li qed jagħmlu l-almu tagħhom kollu bħala team wieħed biex il-pazjenti u l-qraba tagħhom ikollhom is-servizz mistħoqq. Dan qed iwassal biex ikun hemm aktar ħidma ko-ordinata fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar Karen Grech, li minkejja l-influss tal-pazjenti li għandhom bżonn ħtieġa ta’ kura ta’ kwalita’ fit-tul, kollha qed jingħataw l-attenzjoni li jkun hemm bżonn.
Il-Ministeru jinnota li fl-aħħar 24 siegħa, fl-Isptar Mater Dei iddaħħlu 178 pazjent, 124 mill-emerġenza, 47 għal operazzjoni u 7 oħra minn djar għall-anzjani jew mill-outpatients. Kien hemm 110 pazjent li kienu discharged mill-Isptar. Minħabba li kienu discharged inqas pazjenti milli daħlu, kellu jintuża kuridur ġdid li ġie identifikat fi tmiem il-ġimgħa, biex jilqa’ għal dan il-bżonn. Dawn il-pazjenti se jingħataw sodda fis-swali kemm jista’ jkun malajr. Il-management tal-isptar qed jagħmel ħiltu kollha biex dawn il-pazjenti jkollhom kemm privatezza u wkoll kumdita’.
Minkejja din is-sitwazzjoni, l-Ministeru għas-Saħħa jinnota li ebda operazzjoni ma tħassret.
Dan ix-xogħol qed isir b’ħidma li fiha l-health care professionals qed jaħdmu permezz ta’ introduzzjoni ta’ aktar best practices, li qed iqisu li l-pazjenti jkollhom il-kura meħtieġa fil-limiti mposti, u li jħarsu s-saħħa u s-sigurta’ tagħhom.
Il-Ministru Farrugia jfaħħar din il-ħidma kollettiva, partikolarment tat-tobba u nfemiera, f’dan il-perjodu tax-xitwa li miegħu jġib aktar mard infettiv u għalhekk jolqot ferm aktar lil dawk li huma diġa morda b’mod kroniku u wkoll lil dawk li huma mdaħħla fiż-żmien.
Wieħed itenni li dawk l-aktar vulnerabbli għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet kollha f’dan il-perjodu tas-sena biex iħarsu saħħithom u biex il-mard ma jinxteridtx.
Il-Ministeru għas-Saħħa jinnota u jfaħħar il-ħidma siewja li qed jagħmlu infermiera u t-tobba tal-familja li jaħdmu fil-komunita’, li huma s-sies u l-pern tal-Kura tas-Saħħa Primarja.
Inizjattivi ġodda li se jittieħdu biex jilqgħu kontra kull kriżi jinkludu wkoll is-sħab bejn il-konsulenti u t-tobba tal-familja biex b’hekk ikun hemm aktar kontinwita’ tal-ħarsien tal-kura, wara li l-pazjent ikun discharged mill-isptar.
Il-Ministeru għas-Saħħa se jkompli jaħdem flimkien mal-management u l-unions biex jassigura li l-pazjenti u l-qraba tagħhom ikollhom l-anqas inkonvenjent possibbli u jingħataw servizz kif jixraq, kemm jista’ jkun f’ħinu u b’dinjita’.
Il-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia, dalgħodu wkoll kien l-Isptar Mater Dei, fejn żar il-pazjenti u wkoll iltaqa’ u rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en