Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR. JOSEPH MUSCAT DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI LTAQA’ FI BRUSSELS BEJN ID-19 U L-20 TA’ DIĊEMBRU 2013

pr140049
Date Icon 13/01/2014

Sur President

Nixtieq nirraporta lil din il-Kamra dwar ix-xogħol li sar waqt il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ nhar il-Ħamis 19 u l-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru 2013, u li l-konklużjonijiet tiegħu qed inpoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra.

Dan is-summit kien isegwi l-Kunsill Ewropew t’Ottubru fejn Malta ħadet pożizzjoni soda dwar l-immigrazzjoni llegali wara t-traġedji li kienu seħħew fil-baħar Mediterran. Konna għamilniha ċara li mhux se nibqgħu naċċettaw l-istatus quo li ddomina għal tant snin. Bqajna determinati li nneħħu l-kumpless ta’ inferjorita, li nieqfu nbaxxu rasna għal kollox.

Ridna li l-Unjoni Ewropea toħroġ b’sensiela ta’ deċiżjonijiet operazzjonali dwar l-immigrazzjoni llegali. Għall-ewwel qalulna li se jagħmlu dan f’Ġunju 2014. Jiġifieri kieku fadlilna sitt xhur oħra biex naqblu fuq x’għandu jsir. Iżda, għax semmajna leħinna, u ma bqajniex dejjem Signor Si, wassalna biex l-Unjoni Ewropea tintrabat bil-miktub li dawn id-deċiżjonijiet tressaqhom sa Diċembru, sittin jum wara. Kien pass importanti imma xorta kellna nistennew u naraw jekk din il-kelma hijiex se tinżamm.

Sur President, ir-riżultat tal-pożizzjoni soda tagħna – bl-appoġġ li ksibna minn 14-il pajjiż ieħor – qed narawh illum. Mhux talli qbilna fuq x’se jsir dwar l-immigrazzjoni llegali iżda għall-ewwel darba l-Unjoni Ewropea qed tintrabat li tgħid sa meta se twettaq dawn id-deċiżjonijiet.

Araw x’sar fi tmien ġimgħat biss. Kull min jaf kif isiru l-affarijiet fi Brussels jgħidlek li huwa żmien qasir ħafna. Bdejna minn attitudni indifferenti dwar l-immigrazzjoni llegali. Ilkoll niftakru sitwazzjoni fejn ħadd ma jrid jintrabat. Imxejna biex niġbru pajjiżi oħra magħna u ressaqna vuċi waħda. Twaqqfet task force Mediterranja u ħarġet bi proposti importanti. Proposti li ġew endorsed, l-ewwel mill-Ministri tad-Difiża u l-Intern, imbagħad mill-Kunsill u issa ngħataw f’idejn il-Kummissjoni Ewropea biex tara li jitwettqu mill-aktar fis possibli. Dan kollu fi tmien ġimgħat biss Sur President.

Tgħiduli wasalna? Le, ma wasalnix. Għad fadlilna ħafna x’nagħmlu u Malta se tibqa’ tiġġudika bil-fatti. Imma dak li dħalna għalih f’dan is-summit, ħriġna bih. L-ghanijiet kif definiti f’Ottubru li għadda ntlaħqu. Illum ninsabu ferm iktar viċin milli qatt konna qabel.

Din hija xhieda ta’ kemm dan il-Gvern jinsab fuq in-naħa tas-sens komun. Kemm għandna raġun li ninstu li l-Unjoni Ewropea taġixxi fuq il-kriżi umana kif aġixxiet fuq il-kriżi finanzjarja. Dan huwa riżultat tal-pjan ċar tagħna għall-immigrazzjoni llegali.

Ir-riżultati konkreti

Sur President, ir-riżultati konkreti li nkisbu, jiena niġborhom fi tlett punti ta’ importanza.

L-ewwel nett, il-kunċett ta’ immigrazzjoni llegali – u dan huwa t-terminu li ġie użat – issa huwa inkluż fil-politika Ewropea tad-difiża u s-sigurta. Dan il-pass kien imbuttat mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech u mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella. Issa huwa approvat, b’mod ċar u tond, li l-immigrazzjoni llegali tkun parti mill-operazzjonijiet ta’ difiża u sigurta li fihom tkun involuta l-Unjoni Ewropea u għalhekk il-pajjiżi Ewropej iridu jikkolaboraw flimkien fuq miżuri effettivi.

Dan huwa breakthrough importanti ħafna fil-fehma tiegħi. Jagħti lok għal missjonijiet u inizjattivi fuq livell Ewropew li sa llum ma kinux jeżistu. Fil-konkret dan l-iżvilupp se jissarraf, fost l-oħrajn, fl-intraċċar kmieni ta’ ċertu moviment illegali li jkunu qed isiru. Kemm fil-fruntieri tad-deżert kif ukoll fuq il-baħar permezz ta’ ajruplani magħrufa bħala drones. Dan ikun programm Ewropew ta’ early identification system li bih il-vjaġġi llegli jiġu identifikati mill-bidu nett.

Sur President, it-tieni punt ta’ importanza fir-riżultati konkreti li nkisbu fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru kien l-approvazzjoni tat-tmienja u tletin rakkomandazzjoni tat-taskforce tal-Mediterran li twaqqfet wara l-isforz konġunt li għamlet Malta, mal-Italja u mal-Greċja, flimkien mal-pajjiżi l-oħra li kif diġa semmejt ingħaqdu magħna biex naslu għal dawn il-proposti operazzjonali. It-tmienja u tletin punt li ġew approvati jirriflettu ħafna, jekk mhux fit-totalita tagħhom, l-issues li qajjimna aħna f’Ottubru li għadda.

Fil-fatt qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-analiżi sħiħa tal-punti li qajjmet Malta f’Ottubru li għadda u kif irriflettew ruħhom fil-konklużżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru.

L-aktar pass kruċjali għalina huwa li issa hemm commitment ferm iktar ċar dwar dak li jissejjaħ effective return policy. Jiġifieri mod iktar effettiv ta’ kif persuni li jiġu f’pajjiżna, u ma jkollhomx dritt ta’ ażil, jintbagħtu lura. L-istima tagħna hija li hemm madwar elf persuna simili f’Malta. Mhux akkumulazzjoni ta’ ċifri ta’ sena fuq l-oħra. At any one point in time pajjiżna jkollu madwar elf persuna li m’għandhomx permess ikunu f’pajjiżna. U għalhekk hija miżura li nilqugħha b’mod pożittiv ħafna.

L-għajnuna li qed infittxu mill-Unjoni Ewropea hija fuq żewġ lati. Fuq it-titjiriet infushom – biex l-immigranti jittieħdu lura – u fuq il-fatt li dawn il-persuni m’għandhomx dokumentazzjoni u l-pajjiżi t’oriġini tagħhom jirrifjutaw, jew jagħmluha difficli ħafna, biex joħorġulhom dokumentazzjoni.

Hemmhekk issa se tidħol l-Unjoni Ewropea. Għaliex forsi li tiddiskuti ma’ pajjiż wieħed, pajjiż zgħir, mhux dejjem tingħata l-priorita meħtieġa imma meta tinnegozja l-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni li, f’ħafna każijiet tagħti għajnuna finanzjarja lil dawn il-pajjiżi partikolari, se jkun hemm iktar saħħa biex dawn il-pajjiżi jikkolaboraw mal-istati membri. U fejn ikun hemm nies li għandhom jigu ripatrijati, dawn il-pajjiżi jridu joħorġulhom id-dokumenti u jaċċetawhom lura.

Dan huwa punt li nieħu minn dak li kien qal il-predeċessur tiegħi. F’waħda mill-intervisti li ta, l-eks Prim Ministru Dr Gonzi kien qal li wieħed mill-punti li jemmen li fuqu seta jsir ħafna iktar xogħol hija l-kwistjoni tar-ripatrijazzjoni ta’ min ma kellux dritt ta’ ażil. Naħseb li għandu raġun.

Dan huwa wieħed mill-oqmsa fejn nistgħu nkunu effettivi ħafna u nittama li l-Kummissjoni Ewropea, issa la darba qablet li tgħinna, tibda tikkordina l-loġistika tagħha u tkun verament qed tgħinna. Din m’hijiex ħaġa kontroversjali, hija konformi mal-liġi internazzjonali u għalhekk se jkun għan principali tagħna. B’sodisfazzjon, Sur President, ninnota li fis-summit ta’ April li ġej mal-pajjiżi Afrikani fi Brussels din ħa tkun tema ewlenija fuq l-aġenda.

It-tmienja u tletin konklużjoni jitkellmu wkoll dwar il-Libja u l-għajnuna li għandu jingħata dan il-pajjiż. Fil-ġimgħat li għaddew diġa rajna sinjali inkoraġġanti mil-Libja fejn, għall-ewwel darba wara ħafna żmien, l-awtoritajiet żammew opra tal-baħar fit-territorju tagħhom milli taqsam għal ibħra oħra.

Huwa pożittiv ukoll li t-Taljani issa ġew identifikati biex jagħtu taħriġ lil madwar tlett mitt suldat mit-truppi Libjani li ħa jkunu qegħdin jgħassu l-fruntieri.

Malta wkoll se tikkolabora f’dan il-qasam. Dan il-Gvern ilu jisħaq li fl-immigrazzjoni llegali l-Libja hija parti mis-soluzzjoni, mhux parti tal-problema. F’dan ir-rigward, lil hinn mill-konklużżjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Malta ħadmet, u qed taħdem, b’mod bilaterali ma’ numru ta’ pajjiżi oħra. Nibqgħu nsostnu li l-argument ta’ Malta, li ma tistax titħalla waħedha quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni, jgħodd ukoll għal-Libja.

Sur President, dawn it-tmienja u tletin proposta jitkellmu wkoll dwar mobility partnerships. Jiġifieri mod ta’ kif ikun hemm management ta’ persuni li jaqsmu legalment. Ġew iffirmati numru minnhom u issa hemm impenn li jintlaħaq ftehim ma’ numru ta’ pajjiżi ohra, nittamaw li fosthom ikun hemm il-Libja.

Irrid nghid ukoll li fil-konklużżjonijiet tal-Kunsill Ewropew hemm mill-ġdid sejħa għal solidarjeta effettiva lejn l-istati membri li huma milquta b’mod sproporzjonat bl-immigrazzjoni llegali. Ir-referenza hija ċarissima għal Malta. Imma għalissa dak jibqa biss kliem, kliem importanti, aktar importanti Sur President huwa l-fatt li, bit-tmienja u tletin konklużżjoni issa għandna kejl li miegħu nistgħu nkejjlu x-xogħol li se tagħmel l-Unjoni Ewropea.

It-tielet punt importanti mir-riżultati konkreti tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru huwa li Malta kisbet iktar fondi biex titratta l-isfida tal-immigrazzjoni llegali. Ftit tal-ġimgħat ilu ħabbarna li nkisbu għaxar miljun ewro għal dan il-għan. Imma llum nista ngħid li minn inizjattiva waħda Ewropea se nkunu qed nieħdu miljun ewro u minn inizjattiva oħra – il-fond tal-emerġenza – se nkunu qed nieħdu tlieta punt sebgħa miljun ewro. Għalina l-flus huma parti mill-equation, m’humiex is-soluzzjoni kollha. Imma naħseb li ż-żieda fil-fondi, marbuta mal-qbil bla preċedent tal-Kunsill Ewropew fuq punti operazzjonali, huwa pass tajjeb ‘il quddiem.

Rabta ta’ timeframes

Fuq kollox, Sur President, għall-ewwel darba, pajjiżna wassal lill-Unjoni Ewropea biex tintrabat b’timeframe. Ma kinitx faċli li tiġi aċċettata iżda Malta ma kinitx kuntenta b’sempliċiment rapport ieħor fejn wieħed jaċċetta l-konklużżjonijiet tiegħu u daqshekk. Insistejna bil-qawwi fuqha. Ridna timeframe ta’ meta se jiġu implimentati dawn il-punti.

U b’sodisfazzjon f’dan il-Kunsill Ewropew ingħata mandat lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabilixxi timeframe ċar u definit fl-iqsar żmien possibli biex jibda jaħdem malajr ħafna. Fl-aħħar hemm xi ħadd responsabbli Sur President. U hija l-Kummissjoni Ewropea responsabbli, mhux pajjiżi individwali li minn dejjem kellhom oppożizzjoni fundamentali fuq il-politika komuni Ewropea fil-qasam tal-immigrazzjoni għaliex ma jridux iċedu s-sovranita tagħhom.

Illum fil-fehma tiegħi għamilna pass sinifkanti ħafna għax tajna task lill-Kummissjoni Ewropea li tkun hi - u mhux iridu jaqblu t-tmienja u għoxrin pajjiż kollha kemm huma – li tiddeċidi timeframes ċari u definiti. U la darba l-Kummissjoni Ewropea tindika t-timeframes, nemmen li jiġu rispettati minn kulħadd.

Nirrepeti. Jekk tistaqsuni huwiex dan ir-riżultat finali, ngħidilkom li huwa pass ‘il quddiem, pass importanti ħafna. Ix-xogħol li kellna nagħmlu biex jiġi aċċettat il-kuncett ta’ timeframe, ta’ rabta, għamilnih. U issa rridu naraw li dawn il-punti kollha jiġu implimentati.

Temi oħra

Lil hinn mill-immigrazzjoni, tajjeb li nirrimarka fuq il-kontribuzzjoni siewja li tajna fid-dibattitu dwar il-contractual arrangements. Il-Kummissjoni Ewropea prattikament trid timxi lejn sitwazzjoni fejn kull sena l-country specific recommendations tal-pajjiżi individwali jintrabtu b’kuntratt.

Aħna għedna li naqblu mar-riformi, li nemmnu li kull pajjiz irid jagħmel ir-riformi u aħna żgur li m’aħniex gvern li ħa nżommu lura milli nwettqu r-riformi. Imma r-riformi ma jistgħux ikunu imposti minn fuq għal isfel. L-Unjoni Ewropea ma tistax tieħu lill-pajjizi individwali for granted. Ebda pajjiż ma jista jgħid lill-Parlament tiegħu, lin-nies tiegħu, li l-Kummissjoni Ewropea ddecidiet hekk u hekk irid isir. It’s not on.

U għalhekk il-wording maqbul fit-text finali huwa aċċetabbli ħafna. Hemm ċar u tond li jrid ikun hemm qbil taż-żewg naħat, bħal kull kuntratt iehor.

Sur President, kien hemm ukoll qbil dwar il-banking union li naħseb huwa wkoll kompromess tajjeb li huwa ta’ ġid għas-sitwazzjoni bankarja fl-Ewropa. Dan il-qbil ifisser it-tmiem tal-bailouts fi żmien ta’ kriżi tal-banek kif nafuha sa llum. Sfortunatament, dakinhar li ntemm il-Kunsill Ewropew, l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Standard & Poor’s għamlet downgrading tal-Unjoni Ewropea minn AAA għal AA+. Dan il-punt ġie milqugħ b’xettiċiżmu mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-raġunament li wassal lil Standard & Poor’s għal din id-downgrade. Il-biċċa t-tajba tal-aħbar kienet li l-outlook ġie mdawwar minn negattiv għal wieħed stabbli.

Konklużjoni

Sur President, l-iżviluppi li seħħew fil-qasam tal-immigrazzjoni llegali waqt il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru jikkonfermaw kemm il-patt tal-ażil iffirmat fl-2009 mill-Gvern ta’ qabel kien falliment. Dak iż-żmien kien hemm min qalilna li b’dan il-patt saħansitra se jitilqu l-immigranti kollha minn Malta. Kien hemm min qalilna li anke jekk huwa volontarju, l-patt qed isir mal-adulti u mhux mat-tfal.

Tant kienu żbaljati li llum qegħdin fi żvantaġġ għaliex kull darba li nsemmu dan il-punt jgħidulna li fl-2009 konna qbilna, u tajna l-barka tagħna, li kollox ikun volontarju, u mhux obbligatorju. Tant kienu żbaljati li anke l-Unjoni Ewropea issa rrikonoxxiet li hemm bżonn ta’ miżuri ferm iktar far reaching.

Sur President, jien mhux se noqgħod inkanta vittorja kif għamel ħaddieħor anke meta ma kien hemm xejn biex ikun sodisfatt. Ma nħossx li għandi nkun ewforiku imma għandi biss inkun sodisfatt li mxejna pass ‘il quddiem. Iva, r-riżultati li kellna f’moħħna u l-progress li kien hemm bzonn isir, sar. U ma naħsibx li kien jista jsir li kieku ma konniex sodi ħafna fl-argumentazzjoni tagħna. Jekk il-Kummissjoni Ewropea zzomm ma’ dawn it-tmienja u tletin priorita, se tkun qed iżżomm mal-prioritajiet tagħna. U allura bdejna tajjeb.Ġibna commitment bil-miktub li se jitwettqu l-punti maqbula, ġibna wkoll commitment bil-miktub ta’ timeframe, ġibna wkoll commitment dwar min se jkun responsabbli għal dan kollu.

Imma Sur President naslu fil-konkret meta ngħaddu għal implimentazzjoni. Naħseb li l-poplu Malti qed jara d-differenza hawnhekk. Dan il-Gvern mhux trijonfalistiku, bħal ta’ qablu. Dan il-Gvern jaħdem bil-galbu skond il-mandat elettorali tiegħu li, ngħid jien, qegħdin totalment konformi miegħu. Dan il-Gvern se jibqa jara li l-affarijiet ikunu mexjin minn darba għal oħra. Għax din m’hijiex sfida li tintrebaħ f’darba.

Kif se nsibu għajnuna bil-fatti, narawh meta jerġgħu jibdew l-iżbarki.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow