DIKJARAZZJONI FIL-PARLAMENT MILL-PRIM MINISTRU DR JOSEPH MUSCAT WARA D-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA
Sur President,
Nirringrazzjak tal-komunikazzjoni li għamilt fil-bidu ta' din is-seduta dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Dan il-proċess huwa wieħed li, suppost - qed ngħid hekk għaliex fil-ġurnali qrajna u smajna ħafna affarijiet dwar din id-deċiżjoni - huwa mistur fil-kunfidenzjalità.
Il-liġi fil-Kapitlu 369 tgħid li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tintbagħat lill-iSpeaker u rrid ngħid li jien bħala Prim Ministru ma ġejtx mogħti kopja ta' din id-deċiżjoni korrettament u qed naraha issa l-ewwel darba.
Il-Gvern iqis dawn il-każijiet, jiġifieri meta l-Kummissjoni tgħid li Imħallef jew Maġistrat aġixxa ħażin fuq bażi prima facie, b'serjetà massima.
Qabel ma l-poplu fdana bil-fiduċja tiegħu f'Marzu li għadda, jiena għidt li jekk niġi elett Prim Ministru nimxi fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Sur President jien ma nerġax lura minn kelmti.
Il-Kummissjoni tat id-deċiżjoni tagħha u jien b'mod immedjat se nkun qed nara li l-proċess ta’ impeachment jitkompla mingħajr dewmien.
M'inix se nagħti pronunzjamenti oħrajn fuq il-mertu f'dan l-istadju, u anke nħeġġeġ membri oħra ta' din il-kamra biex jimxu b'kawtela, għaliex naf li rridu nimxu b'attenzjoni u reqqa kbira u naf x'qalet il-Qorti Kostituzzjonali fuq pronunzjamenti li saru fil-passat minn Prim Ministri oħra.
Sur President mingħajr ħela ta' żmien se nkun qed nitlob lill-Kap tal-Kamra biex, bħalma sar u għandu jsir f'każi bħal dawn, il-materja tgħaddi għand il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra biex flimkien, iż-żewġ naħat tal-Kamra, nistradaw il-proċess 'il quddiem skont kif tgħid il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta' pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en