Left arrow Go Back

KOMPETIZZJONI FUQ IX-XJENZA GĦAL STUDENTI TAL-ISKEJJEL SEKONDARJI

pr140035mt
Date Icon 10/01/2014

Il-pjanti kif ikunu jafu li ntmissew? Kif il-kaboċċi jżommu s-sħana fix-xitwa? Kif jinbidel il-virus? Dawn u mistoqsijiet oħra kemmxejn strambi imma importanti li jkopru mill-aktar aspetti xjentifiċi affaxxinanti  u mhux tas-soltu jistgħu jservu bħala suġġetti għal kompetizzjonijiet ta’ FameLab Malta u School Lab. 

Il-British Council, in-National Student Travel Foundation (NSTF) u r-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta ngħaqdu ma’ FameLab, li torganizza l-ikbar tfitxija internazzjonali għal vuċijiet ġodda fil-qasam tax-xjenza u l-inġinerija, biex jagħtu x-xjentisti u riċerkaturi żgħażagħ f’Malta l-opportunità li juru l-ħiliet tagħhom waqt din l-attività.

Din hi t-tieni darba li Malta qed tieħu sehem f’FameLab, kompetizzjoni internazzjonali li ssir f’aktar minn 20 pajjiż fl-Ewropa, l-Asja, l-Afrika u l-Istati Uniti fit-tfitxija għall-aqwa komunikatur tax-xjenza għal din is-sena.

Minbarra l-kompetizzjoni FameLab Malta, il-British Council u NSTF nedew School Lab 2014. Din il-kompetizzjoni tistieden l-istudenti ta’ bejn Form 1 u Form 4 biex joħolqu kunċett tax-xjenza u jippreżentawh fuq video. Din l-ewwel edizzjoni ta’ School Lab għandha l-għan li tispira lill-istudenti biex jitgħallmu u jitkellmu aktar dwar ix-xjenza, filwaqt li tagħmel l-esperjenza tagħhom f’suġġetti xjentifiċi fl-iskola waħda aktar kreattiva u divertenti.

FameLab Malta u School Lab qed ikunu organizzati bl-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Microsoft, APS Bank, Vodafone, u Stage Malta.

Il-Kummissarju Għoli Ingliż Rob Luke nieda l-kompetizzjonijiet FameLab Malta u School Lab waqt konferenza stampa li saret illum fl-Iskola Sekondarja tas-Subien ta’ Santa Margerita f’Bormla. Luke qal: “Il-kompetizzjoni tas-sena l-oħra ta’ FameLab Malta kienet suċċess kbir. Din is-sena rridu mmorru ferm aħjar, anki b’aktar kontestanti. Għalhekk, jekk qed taħdmu fil-qasam tax-xjenza, fit-teknoloġija, l-inġinerija jew il-matematika, nixtiequkom tinvolvu ruħkom. Li tagħmlu x-xjenza ħajja għal dawk li m’humiex xjentisti fi tliet minuti biss, hija talba kbira. Iżda l-imħabba u l-entużjażmu jgħinu. Nixtieq il-kontestanti l-isbaħ xewqat.”

Is-Segretarju Parlamentari għar-Ricerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Dr Stefan Buontempo qal li f’Malta huma biss 15% l-istudenti li jistudjaw ix-xjenza fil-livell terzjarju skont statistika tal-Unjoni Ewropea l-Eurostat tal-2011 filwaqt li l-medja Ewropea hija ta’ 23%. Il-Gvern qed jaħdem biex dan in-numru jiżdied u jkun viċin tal-medja Ewropea permezz ta’ inizjattivi varji.

L-inġinier bijomediku u lecturer fl-Università ta’ Malta Dr Owen Falzon kien rebaħ l-edizzjoni tas-sena l-oħra ta’ FameLab Malta u wasal mal-aħħar għaxar pajjiżi fil-finali tal-kompetizzjoni ta’ FameLab International f’The Times Cheltenham Science Festival fl-Ingilterra f’Ġunju 2013. Waqt il-konferenza stampa Dr Falzon saħħar lil dawk preżenti meta ppreżenta l-kunċett rebbieħ tiegħu f’tliet minuti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-RIDT Wilfred Kenely qal FameLab tipprovdi opportunità eċċellenti biex tippromwovi xjentisti żgħażagħ u r-riċerka tagħhom. “Nemmnu bis-sħiħ fl-għan ta’ FameLab, li jagħti pjattaforma lil xjentisti żgħażagħ minn fejn jistgħu jikkomunikaw ix-xjenza u proġetti tar-riċerka tagħhom. Il-kontestanti mhux biss jippreżentaw il-progress xjentifiku tagħhom lil udjenza mingħajr sfond xjentifiku imma li jistgħu jikkomunikaw dak li qegħdin jagħmlu. Li tagħmel ix-xjenza aċċessibbli u attraenti permezz ta’ komunikazzjoni tajba tgħin lejn il-ħolqien ta’ fondi pubbliċi għar-riċerka li hu konformi mal-għanijiet tal-RIDT.”

Il-kontestanti ser ikollhom tliet minuti biex jippreżentaw kunċett ta’ xjenza jew inġinerija u jagħtu taħdita ta’ tliet minuti quddiem ġurija. Kull membru tal-ġurija ser jevalwa l-preżentazzjonijiet finali fuq tliet kwalitajiet ewlenin: kontenut u preċiżjoni xjentifika, ċarezza tal-komunikazzjoni, u kariżma. Il-provi għal FameLab ser isiru fl-Institute of Applied Sciences fl-MCAST fil-5 ta’ April 2014. Il-parteċipanti li għandhom minn 18-il sena ’l fuq jistgħu jirreġistraw onlajn permezz tas-sit www.famelabmalta.org.mt

Il-finalisti minn Malta se jkollhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’Masterclass matul tmiem ġimgħa ma’ espert Ingliż fil-midja u komunikazzjoni. Il-premju rebbieħ ser jikkonsisti fi vjaġġ kollox mħallas lejn l-Ingilterra biex ir-rebbieħ jikkompeti u jirrappreżenta lil Malta fiċ-Cheltenham Science Festival bejn it-3 u t-8 ta’ Ġunju 2014.

Ir-rebbieħa tal-passat ta’ FameLab ivvjaġġaw madwar id-dinja, ħadu sehem f’ festivals, fi programmi fuq stazzjonijiet nazzjonali tat-TV u radju u flimkien ma’ attivitajiet pubbliċi baqgħu għaddejjin bir-riċerka tagħhom. Ġeneralment il-finalisti kollha jsiru parti min-netwerk globali ta’ kommunikaturi tax-xjenza.

School Lab

Il-kompetizzjoni dwar kommunikazzjoni tax-xjenza bil-video hi miftuħa għall-istudenti bejn Form 1 u Form 4 fl-iskejjel sekondarji kollha ta’ Malta u Għawdex. L-istudenti jistgħu jiffurmaw tim ta’ bejn tnejn sa ħames persuni u jippreżentaw suġġett xjentifiku fuq video li jkun interessanti u divertenti. Il-videos għandhom ikunu ta’ bejn 3 u 5 minuti u għandhom ikunu mtellgħa fuq YouTube u l-link tintbagħat flimkien mad-dettalji tal-parteċipanti fuq is-sit www.famelabmalta.org.mt/school-lab

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-videos hi t-30 ta’ Marzu 2014. Il-ġudikanti ser jagħżlu 10 finalisti u l-pubbliku ġenerali ser ikun jista’ jivvota għal video favorit tagħhom sad-9 ta’ April 2014. Ir-rebbieħ finali ser jintgħażel waqt NSTF Science Expo, li ser isir bejn is-7 u l-10 ta’ April 2014. Il-premjijiet ser jingħataw lill-aqwa timijiet filwaqt li l-parteċipanti kollha jirċievu ċertifikat.

Għal aktar tagħrif dwar il-kompetizzjonijiet ta’ FameLab Malta u School Lab, wieħed jista’ jibgħat imejl lil famelab@famelabmalta.org.mt (għal FameLab)  jew  schoollab@famelabmalta.org.mt (għal  School Lab).
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow